Lokali
Jhedded u jħebb għall-pulizija wara li twaqqaf għax kien bla maskra

Denilson Manicaro ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid ġie akkużat li hedded, ħebb u darab ħafif żewġ uffiċjali tal-pulizija, li m’obdiex l-ordnijiet tagħhom, li kiser regolamenti biex irażżnu l-imxija tal-Covid-19 u li kiser kundizzjonijiet imposti mill-Qorti biex ingħata l-ħelsien mill-arrest f’każ dwar ħruq ta’ karozza ta’ membru tal-korp tal-Pulizija.

Il-prosekuzzjoni qalet li fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu, iż-żagħżugħ twaqqaf mill-pulizija f’San Ġiljan għax ma kienx liebes maskra u meta talbuh id-dettalji ma riedx jagħtihomlhom u pprova jaħrab. Aktar tard huwa spiċċa ħebb għall-pulizija u meta tahom id-dettalji, il-pulizija ndunaw li kien qiegħed barra meta suppost kien id-dar.

Denilson Manicaro ammetta l-akkużi. Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet, sakemm tingħata s-sentenza wara li l-qorti tiġi preżentata b’rapport minn uffiċjal tal-probation.