Qorti
Jibda jinstema l-ġuri ta’ Etienne Bartolo l-‘Vojt’ akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech

Etienne Bartolo magħruf bħala l-Vojt beda għaddej ġuri akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech. Id-delitt seħħ seba’ snin ilu fl-aħħar ta’ Marzu meta Grech inqatel b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina.

Il-vittma, magħruf bħala ċ-‘China’ kien nstab ferut wara li allegatament ltaqa’ ma’ Bartolo biex jirranġaw xi ħlas dwar sustanza ta’ droga. Jirriżulta li qam argument bejn it-tnejn bi Grech ilaqqat numru ta’ daqqiet ta’ sikkina b’dik fatali tkun f’sidru.

Jirriżulta wkoll li fuq is-sodda tal-mewt, Grech kien tenna ‘Vojt, Vojt’ bħala indikazzjoni għal min setgħa kien l-aggressur.

Il-ġuri ta’ Bartolo kellu jibda’ lbieraħ iżda għat-tielet darba reġa’ ġie pospost wara li l-Imħallef qalet li l-ġurija jeħtieġ tinħatar mill-ġdid. Illum issoktat il-ħatra tal-ġurija bl-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tikkonferma it-tnax il-membru tal-ġurija.

F’dan il-każ mistenni jixhed ukoll l-baruni tad-droga Jordan Azzopardi li f’każ separat qed jaffaċċja numru ta’ akkużi relatati ma’ traffikar tad-droga.

Fl-indirizz tagħha lil ġurija l-Imħallef Scerri Herrera spjegat ir-responsabiltà li ġiet fdata lilhom. Qalet li dan mhuwiex piż iżda privileġġ. Waqt li spjegatilhom il-prinċipji u proċess legali l-Imħallef saħqet li l-ġurija għandha tiskarta l-affarijiet li semgħu, qraw jew ħassew dwar dan il-każ.

Il-Qorti issa tinsab sospsiża għal waqfa.