Lokali
Jibda jitfassal l-istatut għat-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali

Il-President George Vella kkonferma ma’ Television Malta li beda x-xogħol fuq l-istatut għat-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali. Din hi inizjattiva ta’ Dr Vella li tkellem dwarha għall-ewwel darba ġimgħa ilu, fid-diskors tal-għeluq tal-laqgħa nazzjonali dwar l-istat tan-nazzjon. Intervistat minn Television Malta, il-President sejjaħ il-Fondazzjoni bħala punt ta’ referenza fejn wieħed jiddiskuti suġġetti bħall-edukazzjoni u s-saħħa li qal m’għandux ikun hemm firda partiġjana dwarhom għax l-effetti mhux se jkunu fuq l-immedjat imma fis-snin ta’ wara.

Il-President George Vella qal li l-idea tal-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali nibtet wara konferenza għall-għaqda nazzjonali li kien organizza fi Frar li għadda.

Ma’ Television Malta, il-President qal li kien hemm ir-rieda li dan id-djalogu jitkompla f’qafas aktar formali. Ħabbar li bħalissa għaddejja ħidma fuq l-abbozz legali tal-istatut ta’ din il-fondazzjoni ġdida.

“L-idea tkun li inti jkollok xi ħaġa regolari, xi ħaġa li hija punt ta’ referenza fejn għandek fejn wieħed jiddiskuti suġġetti li jistgħu jġibu iktar nuqqas ta’ firda. Għalhekk qed insemmi l-ambjent, il-ġurnaliżmu, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-mezzi ta’ kommunikazzjoni. Dawn huma suġġetti li ngħidu isma, dawn qed iġibu għaqda jew qed iġibu iktar firda?”

Il-President spjega li l-fondazzjoni se ssir parti mill-Presidenza Maltija, b’ċans li wieħed isemma leħnu mingħajr ċensura. Huwa saħaq fuq l-importanza tad-djalogu, li fisser bħala l-essenza tad-demokrazija.

“Djalogu ħieles u djalogu li jkun infurmat u hawnhekk hu importanti ħafna għax kulħadd jista’ jlablab u din hi waħda mill-affarijiet kbar li għandna bħalissa. Kulħadd għandu dritt jikteb fuq il-Facebook, jikteb fuq is-social media però sfortunatament mhux kull min jikteb huwa kwalifikat biex jikteb fuq ċertu suġġetti.”

Il-President għamel din l-osservazzjoni fl-isfond tar-riżultati tal-istħarriġ li ġie preżentat fil-laqgħa dwar l-istat tan-nazzjon, li wera li l-Maltin jagħtu ħafna piż lil dak li jingħad fil-media soċjali.

Dr Vella esprima tħassib li l-poplu, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, huma esposti għal ideat li mhux kollha huma ta’ min isegwi fuq il-media, bil-periklu li jinbidlu l-valuri tas-soċjetà Maltija.

L-intervista mal-President se tixxandar fi programm ta’ analiżi dwar il-laqgħa ta’ ġimgħa ilu dwar l-istat tan-nazzjon/ Il-programm se jixxandar għada, il-Ħadd, fid-disgħa u nofs ta’ filgħaxija fuq Television Malta.