Lokali
Jibda jittella’ r-ramel minn qiegħ il-baħar biex terġa’ tifforma l-bajja ramlija fil-Balluta

Fil-Bajja tal-Balluta, bdiet tintuża teknoloġija ġdida biex ir-ramel minn qiegħ il-baħar jittella’ biex terġa’ tifforma l-bajja ramlija. Sandro Gatt, li huwa responsabbli mill-proġett f’isem il-Grupp Polidano, spjega lil TVM li s-sena li għaddiet il-proċess sar b’mod manwali billi r-ramel ittella’ minn qiegħ il-baħar minn nofs il-bajja għal fuq il-braken li wassluh lejn ix-xatt u issa l-proċess isir billi r-ramel jiġi ppumpjat direttament lejn ix-xatt.

Sandro Gatt qal “għandna d-dregger Ave Caesar, li qed jippompja r-ramel miż-żona fejn indikata mill-klijent u l-pipeline li qed jitfa’ fil-bajja tal-balluta biex ovvjament nimlew il-bajja bir-ramel”.

Is-Sur Gatt spjega li dax-xogħol mistenni jitlesta fi tliet ijiem.

Kelliem għall-Ministeru tat-Turiżmu qal lil TVM li x-xogħol fil-Bajja tal-Balluta qed jiġi ffinanzjat mil-lukanda fil-viċinanzi li qablet li tagħmel dan ix-xogħol mingħajr l-ebda spejjeż għall-Gvern għal 5 snin. Madankollu tenna li din mhix ser ikollha konċessjoni fil-bajja li ser tibqa’ waħda pubblika li tista’ tintuża mill-għawwiema kollha.