Infrastruttura
ARA: Kif se jiġi l-pont ta’ Triq il-Wied fl-Imsida?

Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tal-pont ta’ Triq il-Wied fl-Imsida. Il-pont li hemm fi Triq il-Wied fl-Imsida bħalissa se jinbidel għal struttura ikbar li tista’ takkomoda r-riallinjament u t-twessigħ ta’ Triq Reġjonali, bħala parti mill-proġett maġġuri fuq din l-arterja u seba’ ħoloq viċini.

Waqt żjara li għamel il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, innota li l-pont li nbena fis-sebgħinijiet u li jifrex matul iż-żewġ karreġġjati ta’ Triq Reġjonali fuq Triq il-Wied l-Imsida jeħtieġ li jinbena mill-ġdid biex jakkomoda l-korsiji addizzjonali u biex jottimizza l-allinjament u t-tidwir tat-triq għal aktar sigurtà.

Fix-xhur li għaddew, Infrastructure Malta bniet l-ewwel waħda miż-żewġ korsiji li se jiżdiedu fi Triq Reġjonali u bdiet tibni wkoll il-pedamenti u l-pilastri li fuqhom se jserraħ il-pont il-ġdid. Ftit tal-jiem ilu ż-żewġ karreġġjati tat-triq tressqu bi ftit metri u b’hekk ix-xogħol biex jinbena l-pont qed jitkompla waqt li jibqa’ jsir użu mill-erba’ korsiji ta’ bħalissa.

Infrastructure Malta qalet li l-proġett tal-bini mill-ġdid tal-pont u t-twessigħ taż-żewġ karreġġjati ta’ Triq Reġjonali qed isir f’fażijiet biex ikun assigurat li l-korsiji eżistenti u l-konnessjonijiet ta’ din l-arterja prinċipali tas-sistema tat-toroq tagħna tibqa’ miftuħa, bl-inqas xkiel possibbli għal kull min jgħaddi mill-inħawi.

Waqt li daqt jinfetħu partijiet mill-korsija ġdida li diġà żdiedet fil-karreġġjata lejn in-nofsinhar ta’ Triq Reġjonali, Infrastructure Malta bdiet tibni s-sitt korsija fil-karreġġjata l-oħra li tagħti fid-direzzjoni opposta lejn it-tramuntana.

Bil-korsiji ġodda fi Triq Reġjonali, li bejniethom iġibu 1.1 kilometri, se titjieb is-sigurtà f’numru ta’ junctions li hemm matul din ir-rotta bejn in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel tal-pajjiż, filwaqt li se jżidu wkoll il-kapaċità u l-effiċjenza billi se jonqos il-ħin tal-istennija għad-dħul u l-ħruġ minn din it-triq.

Il-korsija li ser tiżdied fil-karreġġjata tat-tramuntana, mill-mini ta’ Santa Venera lejn l-Imsida, ser tipprovdi aċċess aktar sigur mis-slip roads li jgħaqqdu Triq il-Wied fl-Imsida, Triq il-Ferrovija l-Antika f’Birkirkara u Triq Kappillan Mifsud f’Santa Venera ma’ Triq Reġjonali. Din se tnaqqas ukoll il-ħin fl-ivvjaġġar meta aktar ‘il fuq, tiġi biex toħroġ minn Triq Reġjonali mis-slip road li tagħti fid-direzzjoni tal-Bypass ta’ Birkirkara (Triq Dun Karm Psaila), l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei.

Il-korsija ġdida l-oħra fil-karreġġjata lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż se ttejjeb l-andament tal-vetturi li jkunu ġejjin mis-slip road li tgħaqqad il-Bypass ta’ Birkirkara u r-roundabout f’Tal-Qroqq (fejn hemm l-iskatepark) ma’ Triq Reġjonali billi jibqgħu sejrin dritt lejn Santa Venera. Din il-korsija wkoll se tipprovdi aċċess aktar sigur għall-ħruġ minn Triq Reġjonali lejn Triq il-Ferrovija l-Antika u Triq il-Kappillan Mifsud, iż-żewġ toroq li jiltaqgħu ħdejn ir-roundabout li hemm bejn Birkirkara u Santa Venera.

Aħbarijiet Oħra
Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Lokali

Waqt l-aħħar tislima li ngħatat lil Enrica lbieraħ fil-knisja ta’ San Ġiljan, inġabru €10,000 għal Puttinu Cares. Enrica kienet tgħożż il-familja ta’ Puttinu li tant tawha kuraġġ u sabar waqt…

Edukazzjoni

The Rotary Malta Clubs are calling for applications from residents of Malta wishing to pursue a post-graduate degree. The scholarship offered to Maltese residents is worth $ 30,000 and is…

Aktar