Lokali
Jibda l-bini tal-pedamenti tal-flyover ġdida bejn Ħal Luqa u Ħal Kirkop

Infrastruttura Malta bdiet bil-bini tal-pedamenti tal-flyover ġdida bejn Ħal Luqa u Ħal Kirkop bħala parti mill-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport.

F’post fuq il-midja soċjali, Infrastruttura Malta qalet li minn għada t-Tlieta sakemm joħroġ avviż ieħor, waħda miż-żewġ korsiji direzzjoni lejn in-Nofsinhar ta’ Triq l-Ewwel Titjira, mir-roundabout tal-Ajruport għall-Mini ta’ Ħal Kirkop, se tkun magħluqa għat-traffiku.

L-entità governattiva ħeġġet lis-sewwieqa biex fejn ikun possibbli, jużaw ir-rotta alternattiva minn Triq Ħal Farruġ, li nfetħet il-ġimgħa li għaddiet wara xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid.

F’April li għadda, Infrastructure Malta bdiet tħaffer l-underpass tar-roundabout il-ġdida ta’ 200 metru u ż-żewġ rampi ta’ 120 metru.

Dan se joħloq rabta diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati lejn in-Nofsinhar u lejn it-Tramuntana ta’ Vjal L-Avjazzjoni u Triq Ħal Far.