Jibda l-‘countdown’ għat-tieġ ta’ Clooney f’Venezja

Il-belt ta’ Venezja bħal donnha qiegħda fuq ix-xwiek tistenna aktar dettalji dwar it-tieġ tant mistenni nhar it-Tnejn, tal-attur Amerikan George Clooney u Amal Alamuddin avukat li tispeċjalizza fid-drittijiet tal-bniedem.

Il-bieraħ il-koppja dehret flimkien ma’ numru ta’ ħbieb tal-qalba fuq ‘water taxi’. Huma qattgħu l-lejla jiċċelebraw fil-lukanda Cipriani fuq il-gżira ta’ Giudecca fejn Clooney u stillel oħra ta’ Hollywood spiss jidhru waqt il-festival annwali tal-films f’Venezja.

Illum mistennija ssir ‘reception’ fil-lukanda ta’ seba’ stilel Aman Canal Grande fejn il-bieraħ, Amal Alamuddin ta’ 36 sena, dehret dieħla liebsa libsa ħamra.

It-tieġ ta’ George Clooney u Amal Alamuddin ħa lejn Venezja mijiet ta’ ġurnalisti, fotografi u cameraman biex jippruvaw jaqbdu l-aħjar ritratti u filmati tal-koppja, anke jekk minn distanza.

Fil-fatt, il-mistiedna għat-tieġ ma jistgħux jieħdu magħhom mobile jew tablet f’tentattiv biex dak li jiġri f’din l-okkażjoni jinżamm mistur.

Mhux ir-residenti kollha ħadu pjaċir b’din il-pubbliċità. Oħrajn iżda huma kuntenti għall-istilla ta’ Hollywood li dejjem paxxa u mar tajjeb mar-residenti kull meta żar Venezja matul is-snin.

Ħafna huma dawk it-turisti ntant li huma tal-fehma li m’hemmx post aktar idejali minn Venezja fejn wieħed jiżżewweġ.

Iċ-ċerimonja uffiċjali taż-żwieġ ta’ Clooney u Alamuddin, mistennija ssir nhar it-Tnejn fil-bini tal-kunsill tal-belt, il-palazz tas-seklu 14 Ca’ Farsetti.

Skont il-media Taljani, se jżewwiġhom l-eks Sindku ta’ Ruma Walter Veltroni.

Il-kunsill lokali ta’ Venezja qal li nhar it-Tnejn se jkun qed jagħlaq uħud mit-toroq dojoq tal-belt għal sagħtejn.