Lokali
Jibda l-ġuri dwar il-qtil f’Marsalforn fuq siġra

Fl-awla kriminali daħal fit-tieni jum il-ġuri ta’ Gerardu Galea li għandu 76 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ John Spiteri ta’ 45 sena. Il-każ imur lura għal Ġunju t’erba’ snin ilu. Galea jinsab mixli wkoll li pprova jqiegħed ħajjet iben il-vittma Matthew ta’ 20 sena f’periklu meta seħħ il-każ f’Marsalforn.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-qtil seħħ meta l-vittma u ibnu Matthew kienu qed jiżbru s-siġar u jwaħħlu xi arbli żgħar fil-parkeġġ fil-Qbajjar bi tħejjija għall-gabbana li kellhom jiftħu għax-xhur tas-sajf.

Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija ħareġ li waqt li l-vittma u ibnu kienu qed jiżbru s-siġar, mar fuqhom l-allegat aggressur u ħadha qatta’ bla ħabel magħhom dwar iż-żbir tas-siġar. Ftit wara, l-akkużat rikeb fil-karozza u rriversja għal fuq il-missier u l-iben. Waqt li Matthew Spiteri rnexxielu jiżgiċċah, missieru John intlaqat u ttajjar għal bosta metri u konsegwenza miet fl-isptar ħames sigħat wara l-inċident.