Qorti
Jibda l-ġuri ta’ raġel suspettat li kien involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga

Quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti beda l-ġuri ta’ Edward Cardona li sitt snin ilu ġie arrestat fuq suspetti li kien involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga. Hu qed jaffaċċja żewġ kapi t’akkuża fosthom traffikar u pussess aggravat tad-droga kokaina.

Edward Cardona ta’ 36 sena kien ġie arrestat mill-Pulizija bl-għajnuna ta’ mara barranija li isimha ma jistax jixxandar. Fit-13 ta’ Lulju tal-2013 il-mara kienet twaqqfet l-ajruport u fi tfittxija nstab li kienet qed iġorr diversi kapsoli b’sustanza suspettuża. Il-Pulizija stabbiliet li l-mara kienet tqabbdet iġġorr id-droga min-Niġerjan Ola Rotimi Akins u mitluba tbigħhom lil Edward Cardona li kien miftiehem miegħu minn qabel. Hi kkoperat mal-Pulizija u ammettiet li żaret Malta għall-istess skop f’okkażjonijiet oħrajn fosthom f’Diċembru tal-2012. Dakinhar kienet impurtat 70 kapsola mimlija bil-kokaina u 20 gramma oħra kokaina.

Id-difiża hi mmexxija minn Franco Debono u Amadeus Cachia.

F’Lulju tal-2013, Cardona u n-Niġerjan ta’ 31 sena li jgħix Spanja tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ pussess u traffikar tad-droga kokaina. It-tnejn wieġbu mhux ħatja. In-Niġerjan kien ħarab minn Malta.