Infrastruttura
Jibda l-irranġar u t-tisbiħ tal-ikbar mini fit-toroq Maltin

Beda xogħol ta’ manutenzjoni u mmodernizzar tal-mini prinċipali li għandna fit-toroq Maltin.

Il-proġett mhux se jieqaf biss ma’ tiswijiet u titjib fil-faċċati u l-ħitan biex ikollhom dehra isbaħ, iżda Infrastructure Malta qalet li trid tilħaq l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità għall-mini, fosthom bl-aħħar teknoloġija li tiżgura saħħa u sigurtà għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom kuljum.

L-aġenzija qalet li x-xogħol għandu jkun lest sal-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.

Infrastructure Malta tat bidu għal proġett li se jiswa €10 miljun biex tirranġa u ssebbaħ l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni li flimkien għandhom tul ta’ kważi ħames kilometri.

Il-Perit Kylie-Ann Borg Marks qalet li l-ewwel fażi tax-xogħol se tiffoka fuq s-saqaf tal-mini, fosthom b’testijiet li għandhom jiddeterminaw s-saħħa tal-konkos u kif inhu magħmul.

“Ha niċċekjaw fejn hemm xi voids, eżempju Santa Venera u San Ġiljan fejn il-konkos jiltaqa’ mal-blat u s-sors ta’ xi ilma li qed jinżel mill-istruttura u fl-Imsida se niċċekjaw kemm hu fond il-ħadid mit-tarf tal-istruttura tal-konkos,” qalet il-Perit Borg Marks.

Fi studji tekniċi kkummissjonati mill-aġenzija, li saru b’għajnuna ta’ esperti tekniċi internazzjonali rinomati f’dan il-qasam, ħareġ li għalkemm l-istruttura tal-mini tinsab f’qagħda tajba, it-tmien mini li nbnew bejn l-1967 u l-1996 jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali. Irriżulta li s-sistema tad-dawl fil-mini kollha hi antikwata u jeħtieġ li tinbidel. L-istess is-sistemi ta’ sigurtà u ta’ kontra n-nirien.

Il-Perit Albert Spiteri qal li ħafna mix-xogħol f’dawn il-mini se jsir fi tmiem il-ġimgħa u bil-lejl biex inaqqas l-inkonvenjent fuq is-sewwieqa. Fost l-ewwel interventi, se jitneħħa n-nugrufun li nġema’ mal-ħitan tal-ġnub tal-mini, li mbagħad se jinksew b’materjal apposta.

“Ħa nkunu qed nagħmlu xogħol ta’ tindif. Dan jinkludi żebgħa li l-portals kollha tal-mini u l-mina minn ġewwa se tinżebagħ. Se ninkludu dawl ġdid, servizzi ta’ CCTV u sistema ta’ fire hydrants fejn inżidu s-sigurtà tal-utenti kollha,” qal il-Perit Spiteri.

Bis-sistema l-ġdida tad-dwal, il-qawwa tad-dawl fil-mini se jinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel malli jidħlu fihom. Il-kuntratturi ser jibnu kamra tal-kontroll f’kull sett ta’ mini li se tkun imqabbda maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu.

Infrastructure Malta ser ittejjeb ukoll il-passaġġi ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħal bibien reżistenti għan-nirien, tagħmir biex wieħed issejjaħ għall-għajnuna u għal kontra n-nirien.

Aħbarijiet Oħra

Xi uffiċjali tal-pulizija sfaw midruba wara li dal-lejl inqala’ x’inkwiet fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi u ħarbu xi immigranti. TVM jinsab infurmat li ħarbu 6 immigranti u s’issa nqabdu tnejn. Fuq il-post…

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

Aktar