Lokali
Jibda l-iskavar biex jinbena ċ-ċentru Reach fin-Naxxar

Fin-Naxxar beda xogħol fuq kumpless li ser ikollu diversi faċilitajiet maħsuba għal persuni b’diżabiltà u l-familji tagħhom. Il-proġett li mistenni jitlesta fi żmien erba’ snin qed isir b’investiment ta’ aktar minn €30 miljun, b’kofinanzjament minn fondi Ewropej.

Beda l-iskavar biex jinbena ċ-ċentru Reach għal persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom fin-Naxxar. Dan iċ-ċentru qed jitqies bħala l-ikbar investiment kapitali fis-settur tad-diżabilità, b’investiment ta’ €32 miljun.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Joseph Cini qal li dan il-kumpless ser jikkonsisti f’erba’ binjiet u se joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi.

Joseph Cini qal “proġett li fih se jsibu s-servizzi kważi kollha minn hawnhekk bħalma huwa ċentru ta’ matul il-jum, respite, se jkun servizz ukoll ta’ residential care, gym, pool terapewtiku biex tintuża minn min mhux biss qed f’dan iċ-ċentru imma anke minn persuni b’diżabilità oħra.”

Is-Sur Cini qal li dan iċ-ċentru li huwa ppjanat li jitlesta sal-2023, se jipprovdi taħriġ lill-persuni b’diżabilità biex ikunu aktar inklużi fis-soċjetà u kemm jista’ jkun jgħixu ħajja indipendenti.

“Li rridu nindirizzaw huwa l-over protectiveness tal-ġenituri li jridu jifhmu li l-persuna huwa persuna li għandu dritt jgħix għal rasu u għandu dritt imur għax-xogħol. Insibu każijiet fejn jibżgħu jħalluhon jitilgħu fuq tal-linja” qal is-Sur Cini.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis waqt li ddeskriva dan il-proġett bħala ambizjuż qal li dan iċ-ċentru se jagħti spazju lill-persuni b’diżabiltà biex jagħmlu l-għażliet tagħhom ħalli jilħqu l-milja ta’ ħajjithom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa ko-finanzjat b’Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali. Qal li dan huwa proġett ta’ inklużjoni li juri li l-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jagħti prijorità lil dan is-settur.

Aħbarijiet Oħra
Kisbiet

Il-karozzi Bentley u Rolls Royce huma distintivi u magħrufa għal-lussu. Kristian Cini għad għandu sbatax-il sena, iżda għalkemm għad m’għandux l-età biex isuq, huwa dilettant kbir tal-karozzi Bentley u Rolls-Royce….

Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Aktar