Forzi Armati
Jibda l-proċess biex l-AFM ikollha uniformi ċerimonjali ġdida

Jumejn oħra l-Forzi Armati jimmuntaw l-akbar parata annwali. L-okkażjoni hi l-festa nazzjonali ta’ Jum ir-Repubblika. Il-parata ta’ din is-sena se tinkludi wkoll l-hekk imsejħa Trooping The Colour . . . ċerimonja b’għeruq antiki ħafna li fil-qalba tagħha hemm l-istandard uffiċjali tal-armata. Sadanittant għaddejjin il-kuntatti biex l-Armata Maltija jkollha uniformi ċerimonjali ġdida. Fl-istil mhux mistennija tvarja ħafna minn dik tal-lum, iżda l-kunċett ser ikun differenti.

Kmieni t-Tlieta filgħodu fil-parade ground tal-kwartieri ġenerali tal-Forzi Armati f’Ħal Luqa saret il-prova ġenerali għall-parata ta’ Jum ir-Repubblika li hi l-akbar waħda tul is-sena għall-armata Maltija. Apparti l-banda jieħdu sehem 130 suldat imsejjħa minn taqsimiet differenti tal-armata biex jiffurmaw 4 stakkamenti.

Il-prova segwiet kull pass u struzzjoni li l-Ħamis filgħodu jridu jsiru fi Pjazza San Ġorġ…mis-salut ġenerali lill-Kap Kmandant tal-Armata u s-salut nazzjonali lill-Prim Ministru u lill-President tar-Repubblika li mbagħad tispezzjona l-gwardja tal-unur. Issegwi wirja mużikali mill-banda tal-Forzi Armati.

Ġdida fil-parata tar-Repubblika t-Trooping The Colour, l-esebizzjoni tal-istandard uffiċjali tal-Forzi Armati. Din ġejja minn tradizzjoni ta’ żmien ir-Rumani li mar-ritorn fil-kamp, kull lejl kienu jesebixxu l-istandard bl-ajkla. Il-forma attwali taċ-ċerimonja oriġinat f’nofs is-seklu 18 bl-istandard kien jinġarr tul l-istakkamenti biex is-suldati jimmemorizzawh u jkunu jistgħu jagħrfuh waqt il-battalji.

Il-Ħamis, il-membri tal-Forzi Armati jkunu lebsin uniformi apposta . . . dik ċerimonjali. Il-Kap Kmandant, Jeffrey Curmi, ikkonferma ma’ TVM li għandhom il-fondi approvati biex issir uniformi ċerimonjali ġdida, bil-ħsieb li kull membru jkollu waħda tiegħu għal meta jiġi msejjaħ jieħu sehem f’parati u okkażjonijiet uffiċjali.

Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, Jeffrey Curmi qal ”bħalissa għaddejjin fil-proċess li naraw x’uniformi rridu, x’inhuma r-requirements tagħna. Il-ħsieb hu li kemm jista’ jkun innaqqsu n-numru ta’ uniformijiet. Jiġifieri fejn qabel kien hemm uniformi għas-sajf, uniformi għax-xitwa u trid il-flus biex iżżommhom, qed naraw kif jista’ jkollna materjal tajjeb kemm għas-sajf kif ukoll għax-xitwa, biex hekk jirnexxielna nnaqqsu l-kwantitajiet.”

Il-Brigadier Curmi qal li l-bidla se tkun fil-kunċett, bl-użu ta’ uniformi waħda ċerimonjali. Mhux mistenni tibdil kbir fl-istil, bl-armata żżomm mat-tradizzjonijiet tagħha.

Partikulari fil-parata tar-Repubblika l-mument fejn is-suldati jisparaw l-hekk imsejjaħ Feu-De -Jois . . . fire of joy . . . simbolu taċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-ġurnata: it-twaqqif tar-Repubblika.

Għal dawk li l-Ħamis se jattendu għall-parata li fi Pjazza San Ġorġ tibda fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu, dan hu l-mument meta l-parata tintemm u malli s-suldati joħorġu mill-pjazza fi triqithom tul Triq ir-Repubblika l-protagonisti fil-pjazza ma tibqax l-armata jew l-ogħla awtoritajiet iżda t-tfal, li kif inhi t-tradizzjoni jitħallew jidħlu fil-pjazza jiġbru l-iskrataċ li jitħallew mal-art wara l-isparatura simbolika.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Inqas minn tliet xhur wara li ġie fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, eluf ta’ żgħażagħ qed jinġabru fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jasal il-Panama għada bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu…

Ikel

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni. Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir…

Trasport

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta…

Familja

Matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 1,303 koppji li żżewġu fuq cruise liner li jtajjar il-bandiera Maltija. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija tad-Deputat…

Aktar