Lokali
Jibda r-restawr ta’ Palazzo Castellania fil-Belt li llum jintuża għall-Ministeru tas-Saħħa

Oriġinarjament kien Qorti tal-Ordni tal-Kavallieri, fl-aħħar snin intuża bħala l-Ministeru għas-Saħħa… Parti mill-faċċata ta’ Palazzo Castellania bħalissa tinsab mgħottija hekk kif beda xogħol ta’ restawr fuq iż-żewġ faċċati ta’ din il-binja storika fi Triq il-Merkanti kantuniera ma’ Triq San Ġwann.

Il-proġett li qed isir taħt is-superviżjoni tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura ser jiswa mal-kwart ta’ miljun ewro.

 

Beda xogħol ta’ restawr fuq Palazzo Castellania, li serva bħala Qorti tal-Ordni tal-Kavallieri u llum jintuża bħala l-Ministeru għas-Saħħa.

Il-Perit Jean Frendo, responsabbli min dan il-proġett qalet li kienet ilha tinħass il-ħtieġa li dan il-Palazz jiġi rrestawrat tant li kienu saru diversi rapporti li kien qed jaqa’ xi ġebel mill-faċċata.

“Tnaddfet sew il-faċċata, saru diversi interventi skont l-ebusija tal-ħmieġ. Ġieli jkun hemm bżonn intervent li ġie ripetut kemm-il darba. Barra minn hekk kien hemm ċerti saljaturi speċjalment in-naħa ta’ fuq nett fejn hemm il-gwarniċa li kienu jew imtajrin, jew neqsin jew anke kien hemm xi ġebel nieqes. Dawn reġgħu nbnew b’taħlita apposta biex b’hekk mill-bogħod dawn jidhru li lanqas huma mkaħħlin kważi mill-ġdid u b’hekk inkunu qed nippreservaw kemm jista’ jkun il-ġebla oriġinali u ma nnaqsux minnha. Ovvjament jekk ikun hemm partijiet sostanzjali neqsin ikollna bilfors nibdlu l-ġebla.”

Il-Perit Frendo spjegat li s’issa nfetħu l-fili tal-faċċata, waqt li ttieħdu diversi kampjuni biex jitqabbel eżatt il-kulur tal-fili. Żiedet tghid li l-proġett hu stmat li jiswa’ mal-kwart ta’ miljun ewro minn fondi tad-Direttorat tar-Restawr.

Dan il-Palazz mibni f’nofs is-seklu tmintax mill-Gran Mastru Pinto jitqies bħala wieħed mill-isbaħ binjiet barokki fil-kapitali b’ħafna dekorazzjonijiet oriġinali.

“Fil-fatt fil-parti ċentrali tal-binja fi Triq il-Merkanti nsibu l-iktar parti dekorata b’konċentrazzjoni ta’ dekorazzjoni li tista’ tgħid hija kważi kollha tal-irħam u nsibu wkoll skrizzjoni li qed tfaħħar lill-Gran Mastru Pinto li fil-fatt bena din il-binja. Hija interessanti ħafna x-xena allegorika li hemm in-naħa ta’ fuq ta’ din id-dekorazzjoni fejn qiegħda turi żewġ figuri femminili li jirrappreżentaw fuq in-naħa tax-xellug il-ġustizzja b’xabla f’id minnhom u xi darba kellha wkoll miżien fl-id l-oħra, li bħalissa m’għadux hemm. Fuq in-naħa tal-lemin hemm figura oħra li qed tirrappreżenta l-verità għandha f’id minnhom mera u fl-id l-oħra qiegħda tagħlaq serp,” qalet il-Perit Frendo.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq Palazzo Castellania qed isiru mill-ħaddiema tal-kuntrattur taħt id-direzzjoni tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Il-Perit Frendo qalet li dan ir-restawr huwa ppjanat li jitlesta għall-ħabta ta’ Marzu tas-sena d-dieħla. Dan il-proġett isegwi oħrajn li saru fil-Belt fosthom ir-restawr ta’ Palazzo Ferriera fid-daħla tal-Belt.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-forum dinji fejn ħabbar li għaxar operaturi tal-kannabis mediċinali kienu approvati mill-Malta Enterprise u anke se japplikaw mal-Awtorità tal-Mediċini biex jingħataw liċenzja. Dr Muscat qal…

Lokali

Riesqa lejn l-aħħar il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, bil-President Marie Louise Coliero Preca tiddeskrivi l-poplu Malti bħala wieħed ġeneruż li jaf jogħla ‘l fuq mill-argumenti u jingħaqad flimkien biex jesprimi…

Lokali

Il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta beda jiltaqa’ f’Malta u qed jiddiskuti proposti biex isaħħaħ il-vuċi tal-Maltin imferxa f’diversi komunitajiet madwar id-dinja. Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru Carmelo Abela qal li…

Aktar