Lokali
Jibda r-restawr tat-torri tal-Belveder

Dak li sar fit-tliet ibliet, l-Awtorità tat-Turiżmu se tipprova tagħmlu fit-tliet villaġġi – Ħal Lija, Ħ’Attard u Ħal Balzan – bil-ħolqien ta’ mixja mal-wirt storiku u kulturali ta’ dawn il-lokalitajiet. Fost l-inizjattivi, l-awtorità qed tiffinanzja r-restawr ta’ binja ikonika f’Ħal Lija…it-torri tal-Belveder, li la darba jitlesta l-viżitaturi se jkunu jistgħu jitilgħu fuq igawdu l-veduti.

It-Torri Belveder f’Ħal Lija nbena fl-1857 u kien parti mill-ġonna ta’ Villa Gourigon li nbniet fis-seklu sbatax u kienet propjeta’ tal-Marquis Depiro. Din l-istruttura ikonika ġiet disinjata mill-Perit Giuseppe Bonavia.

It-torri Belveder kellu destin differenti mill-kumplament tal-villa billi fis-snin ħamsin il-parti tal-ġnien fejn kien hemm it-torri ttieħdet mill-gvern biex saret saret Vjal it-Trasfigurazzjoni – it-triq li mill-knisja parrokkjali ta’ Ħal Lija tagħti għat-triq ewlenija fuq barra tal-lokalità.

It-torri tal-Belveder li huwa binja skedata iżda propjeta’ pubblika, se jiġi restawrat fi proġett li se jkun finanzjat mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu. Il-Perit Kevin Fsadni, direttur fl-awtorita’, qal li apparti l-valur arkitettoniku t-torri għandu wkoll rabta mal-istorja ta’ Malta fosthom ġrajjiet marbuta mal-mixja kostituzzjonali tal-pajjiż.

”Fil-palazz tal-Marquis Depiro saru diversi laqgħat importanti fl-1921 fejn kien hemm diskussjonijiet fuq il-kostituzzjoni ta’ Malta, jiġifieri s-sinifikat storiku u ikoniku ta dan il-belvedere huwa sinifikanti.”

Spjega li la darba jitlesta r-restawr, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jitilgħu fuq it-torri u jgawdu l-veduti.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li r-restawr ta’ dan it-torri jinkwadra perfettament ma’ inizjattiva tal-Awtorità tat-Turiżmu li tiżviluppa mixja mal-istorja u l-kultura tat-tliet irħula: Ħal Lija, Ħ’Attard u Ħal Balzan.

”Bħala parti mit-three villages walking trail nkunu nistgħu nattiraw iżjed turisti lejn din iż-żona tal-pajjiż qed naraw li kif nimxu l-quddiem Malta, m ‘hijiex se tkun biss pajjiż li joffri l-baħar u x-xemx, imma għandna ħafna iżjed x’ noffru…għandna l-aspett storiku u kulturali li lkoll kemm huma irridu nieħdu vantaġġ minnhom biex b’hekk inqajjmu lis-settur turistiku fuq saqajh.”

Dawn iż-żjajjar organizzati mistennija jibdew la darba t-turiżmu jirpilja wara l-Covid-19, u bħal Ħal Lija, qed jitħejjew rotot simili għal Ħ’Attard u Ħal Balzan li se jesponu l-kultura, is-snajja’, il-leġġendi, it-tradizzjonijiet u l-folklor assoċjati ma’ dawn l-irħula.