Lokali
Jibda t-twaqqigħ tal-impjant u ċ-ċumnija ta’ Delimara

Iċ-ċumnija ta’ Delimata li għal 24 sena kienet saret l-iktar struttura distintiva għalkemm mhux l-isbaħ waħda għal Marsaxlokk, bdiet tinħatt b’teknoloġija li għall-ewwel darba qed tintuża f’Malta biex titwaqqa din l-istruttura ta’ 50 sular, li hija l-ogħla waħda f’Malta. Il-ħatt taċ-ċumnija beda wara li twaqfet taħdem l-ewwel power station taż-żejt li nbniet f’Delimara fil-bidu tas-snin 90.

 

F’Delimara, beda t-twaqqigħ taċ-ċumnija ta’ 50 sular li nbniet fl-1992 għall-ewwel impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara.

Iċ-Ċermen tal-Enemalta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi qal li dan jinkludi t-twaqqigħ taċ-ċumnija tal-konkos u l-ħadid, li tiżen daqs il-piz ta’ 6,000 karozza; 9,000 tunnelata. Huwa qal li l-kuntratturi Taljani li rebħu l-kuntratt wara sejħa għall-offerti, bdew ineħħu ż-żewġ pajpijiet tal-ħadid wesgħin aktar minn żewġ metri ‘l wieħed li jgħaqqdu ċ-ċumnija mal-boilers.

L-aktar parti interessanti se tkun kif spjega l-Inġinier Azzopardi twaqqigħ bir-remote control bit-teknoloġija ġdida li se tintuża għall-ewwel darba f’Malta.

 Frederick Azzopardi qal li “it-tagħmir li se jkun qed jintuża ġie apposta minn barra, qatt ma ntuża qabel, huwa pjuttost ġdid u se tkun magħmula minn scaffolding li se tkun qed tintrama apposta għall-ewwel darba ma’ din iċ-ċumnija biex ikun possibbli li ċumnija ta’ din il-kobor tkun tista’ titwaqqa'”.

Minbarra ċ-ċumnija, iż-żarmar tal-ewwel impjant f’Delimara, li ntefa’ f’April li għadda, jinvolvi t-tneħħija taż-żewġ boilers flimkien mat-turbini, u tagħmir ieħor.

Iċ-Ċermen tal-Enemalta qal li l-materjal kollu se jiġi separat fuq il-post qabel jittieħdu biex jiġu riċiklati.

 

“Materjal li jiġi maqsum bejn dak li huwa kontaminat jew magħruf bħala hazardous material u dak li mhux. Għandna areas apposta f’Delimara fejn ikun qed jiġi separat. Għandek partijiet minnu fejn ikun qed jiġi esportat u partijiet minnu anke jmur biex jiġi riċiklat” qal Frederick Azzopardi.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Enerġija, Joe Mizzi ddeskriva dan il-proċess ta’ żmantellar bħala wieħed delikat li jrid isir b’reqqa u jiġu osservati għadd ta’ kundizzjonijiet ambjentali.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li “il-kuntrattur għandu kuntrattur sa massimu sena biex jiżmantella, mhux iċ-ċumnija biss, kullimkien, kemm-il boilers u l-affarjiet l-oħra u perswas li sa sena nkunu żmantellajna u ma jidher xejn iktar mill-era tal-Heavy Fuel Oil.”

Il-Ministru Mizzi qal li dan il-proġett wara l-għeluq tal-power station tal-Marsa, huwa turija li l-Gvern jagħti każ l-ambejnt u s-saħħa tal-poplu u qed iwettaq politika bbażata fuq enerġija nadifa.