Toroq
Jibda t-twessigħ ta’ Triq tal-Balal  

Imħabbar proġett ta’ twessiegħ ta’ Triq Tal-Balal li tgħaqqad in-Naxxar ma San Ġwann. Ix-xogħol li mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sajf jinkludi żieda ta’ karreġjati u l-bini mill-ġdid tal-erba’ roundabouts tul it-triq.

Il-proġett huwa wieħed minn sensiela li qed tagħmel l-aġenzija tat-toroq biex titjieb is-sigurtà tat-toroq u jitnaqqsu l-konġestjonijiet f’toroq arterjali.

Fit-Triq tal-Balal, arterja prinċipali bejn in-Naxxar, Ħal Għargħur, l-Iklin u San Ġwann, beda x-xogħol tat-twesssiegħ tat-triq.

Il-proġett li qed jitwettaq minn Infrastructure Malta, jestendi jinkludu l-bini ta’ korsija ġdida ta’ 2 kilometri fil-karreġġjata min-Naxxar għal San Ġwann, u l-bini mill-ġdid tal-erba’ roundabouts li hemm fit-Triq tal-Balal, biex isiru bypass lanes ġodda biex it-traffiku ikun jista’ jimxi aħjar u jeħel inqas.

Id-disinji l-ġodda tar-roundabouts se jnaqqsu wkoll il-ħinijiet tal-ivvjaġġar f’diversi toroq sekondarji fl-inħawi, fosthom Triq tal-Ibraġ, u Triq M. Murray li tgħaqqad mal-inħawi ta’ Birguma u tat-Tarġa fin-Naxxar. Id-dawl tat-triq u s-sistemi tat-trażżin tal-vetturi se jiġu mtejba wkoll. Id-disnn il-ġdid tat-triq jinkludi numru ta’ daħliet ħdejn l-istage għall-karozzi tal-linja għal vjaġġar aktar sigur bit-trasport pubbliku. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew sal-aħħar tas-sajf.

Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg qal li dan il-proġett hu meħtieġ minħabba li l-kapaċità tat-triq inqabżet bosta snin ilu, u dan qed jikkawża konġestjoni u aktar emissjonijiet mill-vetturi fl-inħawi.

It-twessiegħ ta’ Triq tal-Balal huwa fost diversi proġetti li għaddejjin bħalissa f’diversi bnadi biex itaffu t-traffiku li kien qed jinħoloq. Xogħlijiet simili jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u l-konnessjonijiet tagħha ma’ Triq Aldo Moro u l-Marsa-Ħamrun Bypass fil-Marsa, it-titjib ta’ Triq l-Imdina u ż-żewġ roundabouts prinċipali f’Ħaż-Żebbuġ, it-twessigħ ta’ Vjal l-Avjazzjoni fil-Gudja u l-bini mill-ġdid ta’ numru ta’ toroq sekondarji.