Infrastruttura
AĠĠORNAT: Jibda x-xogħol biex jitħaffef it-traffiku fi Triq Buqana

Fit-triq magħrufa bħala ta’ Buqana, li tintuża mit-traffiku mir-Rabat u l-inħawi ċentrali lejn l-Imġarr u l-bajjiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, beda x-xogħol li għandu l-għan li jħaffef it-traffiku li kien jeħel mar-roundabout fejn iċ-ċimiterju militari taħt l-Imtarfa.

L-Aġenzija Infrastructure Malta ser twessa’ t-triq b’kareġġjata oħra ħdejn ir-roundabout tal-Imtarfa sar-roundabout li tagħti lejn l-Imġarr, Buġibba u l-Mosta.

Il-Perit Corinne Dimech spjegat li dal-proġett huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju.

“Ħa nkunu qed inċekknu r-roundabout li tieħdok lejn l-Imtarfa biex indaħħlu ż-żewġ lanes li joħduk lejn l-Imġarr. Bħalissa qed isir skavar wara l-ħitan eżistenti biex tiġi ffurmata t-tieni lane, għax bħalissa hemm waħda biss. Ħa jiżdiedu faċilitajiet għaċ-ċiklisti u bankina wiesgħa li tieħdok sar-roundabout l-oħra tal-Imġarr.”

Il-Perit Dimech spjegat li l-proġett ġie ddisinjat b’mod li t-traffiku jeħel inqas mar-roundabout li tagħti lejn l-Imġarr għax it-traffiku lejn l-Imġarr ser ikollu karreġġjata dedikata għalih.

“Ħa jkun hemm tibdiliet żgħar fir-roundabout tal-Imġarr, biex dejjem indaħħlu dawk iż-żewġ lanes li qed jikjuwjaw lejn ir-roundabourt, u lane li tibqa’ sejjer l-Imġarr mingħajr ma jkollok għalfejn tistenna biex iddur mal-istess roundabout.”

Il-proġett qed isir b’investiment ta’ ftit inqas minn erba miljun ewro.

Waqt li żar ix-xogħol, il-Ministru tat-Trasport Ian Borg qal li dan il-proġett mistenni jnaqqas il-ħin ta’ vvjaġġar f’din it-triq bi 36 fil-mija. Żied li dan ikompli mal-kullana ta’ proġetti biex jiġu evitati toroq b’karreġġjata waħda.