Lokali
Jibdew ineħħu karozzi mitluqa fit-toroq u jarmuhom fi scrapyard

Avviż legali ġdid li daħal fis-seħħ dan l-aħħar se jwassal biex vetturi abbandunati fit-toroq jintremew fi scrapyard f’temp ta’ ġimagħtejn mindu jkun ħareġ avviż lis-sidien fil-Gazzetta tal-Gvern. L-avviż jitwaħħal ukoll fuq il-vetturi.

Id-Direttur ta’ Transport Malta, Clint Axisa, spjega li b’dan il-mod tittieħed azzjoni għat-traskuraġni ta’ sidien li ma jagħtux widen fil-kelma t-tajba. Dan se jwassal biex jiżdiedu l-ispazji għall-parkeġġi għar-residenti li qabel kienu okkupati għalxejn minn dawn il-vetturi.

L-uffiċjali ta’ Transport Malta sebħu fiż-Żejtun u Ħal Għaxaq biex jirmunkaw vetturi li ilhom is-snin mitluqin għal riħhom fit-triq; ikerrhu ż-żona, jokkupaw spazju ta’ parkeġġ u b’inkonvenjent għar-residenti. Il-vetturi jiġu spezzjonati u jittieħdu fl-aħħar vjaġġ fit-toroq għal scrapyard.

Ma’ Television Malta, id-Direttur tal-Infurzar, Clint Axisa, qal li Transport Malta tirċievi medja ta’ 20 rapport fil-ġimgħa dwar karozzi mitluqin. Is-Sur Axisa spjega li skont proċedura li se jaddottaw, l-uffiċjali tal-Awtorità jwaħħlu avviż fuq dawn il-karozzi li jobbliga lis-sidien tal-vetturi mitluqin biex jirregolaw ruħhom, inkluż il-ħlas ta’ ċitazzjonijiet pendenti.

“Jekk il-karozza ma tinġabarx mis-sid, il-vettura se tintrema mill-Awtorità u se tiżdidilha multa mal-multi li għandhom ta’ €2,500 oħra.”

Is-Sur Axisa spjega li bl-avviż legali l-ġdid li daħal fis-seħħ ix-xahar li għadda, tħaffef aktar il-proċess tat-tneħħija tal-vetturi mit-toroq għax m’għadx hemm il-ħtieġa li jittieħdu f’post bit-tama li jinġabru minn sidhom.

Bil-liġi l-ġdida kif l-Awtorità tat-Trasport irranġata, issa l-vettura mit-triq se tmur fi scrapyard. B’hekk m’għandniex bżonn dak l-ispazju u l-proċess se jkun iqsar u ħafna aħjar.

Vetturi li jkunu magħrufa s-sidien tagħhom, qed jiġu mgħarrfin minn qabel b’ittra reġistrata. Id-dettalji ta’ dawn il-vetturi qed jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.

Rapporti ta’ karozzi mitluqin fit-toroq jistgħu jsiru permezz ta’ email [email protected]