Lokali
Jibdew jitqassmu €11.7 miljun lil 7,700 ħaddiem li sofrew inġustizzji

Ftit inqas minn tmint elef benefiċjarju qed jirċievu kważi tnax-il miljun ewro bejniethom bħala kumpens biex jissewwew l-inġustizzji tal-imgħoddi fosthom 2,500 Pulizija li issa se jkunu rċevew dak imwiegħed lilhom mill-Gvern għal xogħol ta’ sahra li għamlu bejn tletin u għaxar snin ilu. Il-Ministru Michael Falzon qal li sa issa ngħataw total ta’ aktar minn €54 miljun. Il-Ministru Edward Scicluna qal li fuq talba tal-Gvern Malti, uffiċjali tal-Bank Dinji bħalissa qed janalizzaw il-benefiċċji soċjali kollha u se jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex dawn jibqgħu effettivi.

Kważi 7,800 persuna jew l-eredi tagħhom qed jirċievu r-raba’ pagament mill-Gvern bħala parti mill-ħames skemi biex jissewwew l-inġustizzji tal-imgħoddi.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li minkejja s-sitwazzjoni ekonomika riżultat tal-pandemija, il-Gvern baqa’ determinat li jonora l-ftehim ta’ ħlas ta’ kważi €12-il miljun oħra lill-Pulizija, ex ħaddiema tax-xatt u eks korpi fost l-oħrajn.

“Qed nitkellmu fuq anonomaliji ta’ 40 sena ilu f’uħud mill-każi imma dehrilna li xorta nagħmlu l-pagamenti għax tajna kelma li nagħmluh u għamilnih mhux biss din is-sena imma għal sena oħra diġà għandna somma vvuttata fil-Budget għas-sena d-dieħla fejn jerġgħu jsiru pagamenti oħra”.

Il-Ministru Falzon qal l-akbar għadd ta’ benefiċjarji – ftit aktar minn 3,000 – huma persuni li daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku wara Jannar tal-1979 u li qabel kienu ngaġġati f’korpi tax-xogħol jew kienu msieħba fi skemi ta’ apprentistat imħaddma mill-Gvern.

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li f’ħafna mill-inġustizzji, il-Gvern ma kienx legalment obbligat li jindirizza iżda stqarr li moralment kellu jindirizzahom tant li l-każ tal-Pulizija issa ngħalaq u l-benefiċjarji mistennija jonqsu għal madwar 5,000.

Mistoqsi minn TVM dwar il-kumpens li fil-Budget tħabbar li se jagħti lill-eks ħaddiema tat-Tarzna minħabba l-asbestos, il-Professur Scicluna qal li din se tkun kwistjoni kumplessa għax is-sors tal-mard diffiċli tippruvah iżda xorta għaddej xogħol preliminari. “L-ewwel qegħdin niġbru d-data kollha dwar min huma dawk li jħossu li jistgħu japplikaw għalissa għandhom kull dritt u wara naraw x’metodi nużaw speċjalment ukoll minn każijiet barra minn Malta kif nindirizzawha u nħabbruhom iktar tard”.

Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar ukoll li l-Gvern talab lill-Bank Dinji biex jevalwa l-benefiċċji soċjali kollha u l-impatt tagħhom. “Fil-benefiċċji stess innifishom ukoll għamel progressività u rigressività, u dawn għandhom l-għodda u team kbir li qed janalizza s-sitwazzjoni tagħna biex ikun jista’ jtina parir x’hemm bżonn nirranġaw jew inbidlu”.

Il-Ministri qalu li f’temp ta’ erba’ snin minn kemm ilhom li bdew jiġu ndirizzati dawn l-inġustizzji, ibbenefikaw ‘il fuq minn 8,000 benefiċjarju u li bejniethom irċevew aktar minn €56 miljun.