Lokali
Jibdew jitqassmu l-appartamenti għall-housing soċjali

F’dawn il-jiem beda l-proċess ta’ allokazzjonijiet tas-siti l-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar. L-applikanti se jkunu avżati minn kmieni meta u fejn se jidħlu fil-proprjetà l-ġdida tagħhom. L-ewwel allokazzjonijiet se jsiru fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Ħ’Attard u s-Siġġiewi. B’dawn l-allokazzjonijiet, il-lista ta’ stennija għall-postijiet tal-Gvern se tonqos għal 1,320 sal-aħħar ta’ din is-sena.

L-allokazzjonijiet jissoktaw kmieni s-sena d-dieħla, bil-pjan hu li se jidħlu f’appartamenti ġodda 279 familja f’lokalitajiet oħrajn Ħaż-Żebbuġ, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop u l-Qrendi. Ma’ dawn, se jkun hemm 100 allokazzjoni oħra mill-iskema ta’ kiri mingħand sidien privati.

F’nofs is-sena d-dieħla se jidħlu 330 familja oħra f’proprjetajiet ġodda fl-Imsida u f’Bormla filwaqt li lejn it-tmiem l-istess sena, se jidħlu 315-il familja oħra fi djar ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali f’siti differenti u djar mikrija mingħand sidien privati. Sal-aħħar tas-sena d-dieħla l-lista ta’ stennija se tkun inqas minn 800 persuna.

Il-programm sħiħ ta’ allokazzjonijiet ikompli fis-sena 2023 f’siti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali u siti ffinanzjati mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.

Fil-preżentazzjoni tal-programm tal-allokazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-Gvern mhux jagħti ċavetta għal dar ġdida iżda ċavetta għal ħajja ġdida u iktar b’saħħitha. Il-Ministru Galdes sostna li l-għan hu li tinqered il-lista ta’ stennija darba għal dejjem.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li l-Awtorità ġriet wara kull ċavetta għax argumenta li b’hekk biss setgħet tibda tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali. Is-Sur McKay irrimarka l-applikanti għaddew minn għarbiel rigoruż biex ikun assigurat li l-postijiet tal-Gvern jingħataw lil min vera għandu bżonn.

Il-Kap Eżekuttiv qal li minn Jannar li ġej kull kuntratt ġdid se jibqa’ kuntratt ta’ kera u ma jinbiegħx. Żied, li mhux se jibqgħu jingħataw postijiet b’kirja daqslikieku hemm xi ċens perpetwu.