Annimali
Jibdew jittieħdu passi kontra sidien li jħallu lill-klieb marbuta għal ħin twil

Il-liġi li għaddiet is-sena l-oħra biex il-klieb ma jinżammux marbuta għall-ħin twil waslet biex jittieħdu passi kontra sidien li kisru dil-liġi. Dan sar magħruf waqt li ħdax-il santwarju tal-annimali abbundannati ngħataw għajnuna mill-gvern li bejniethom tilħaq €25,000.

Tliet xhur wara li daħlet fis-seħħ liġi ġdida kontra l-krudeltà ta’ meta klieb jinżammu marbuta għall-ħin twil, ser jibdew jittieħdu passi fuq persuni li kisru din il-liġi. Dan ikkonfermah ma’ TVM, id-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, Noel Monetebello li qal li din il-liġi tipprovdi għal multi u anke piena ta’ ħabs.

Noel qal “qed insaħħu l-enforcement u għandna xi każijiet li se jitressqu l-Qorti.”

Is-Sur Montebello qal li din il-liġi ġabet sfidi ġodda għad-dipartiment minħabba xi każi ta’ sidien li ħallew il-klieb u telquhom jiġġerrew fit-toroq. Qal li dawn inġabru u wħud minnhom ġew adottati.

Noel qal “is-sena l-oħra rnexxielna naddottaw ‘il fuq minn 600 kelb li hija ċira fenominali”.

Is-Sur Montebello qal li l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Annimali Welfare jwieġbu għal medja 2,000 sejħa fis-sena biex isalvaw annimali li jvarjaw minn klieb sa qniefed. Qal li wħud minnhom jingħataw kura fl-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali u wara l-annimali jittieħdu l-Għammieri.

Intant, is-Segretarju Parlamentari Responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri qassam €25,000 lil 11-il santwarju tal-annimali. Dawn il-fondi jkopru l-ispejjeż għas-servizzi ta’ veterinarji li kellhom bżonn l-annimali li jgħixu f’dawn is-santwarji. Il-flus ħarġu wara li ġiet verifikata l-informazzjoni mogħtija mis-santwarji.