Infrastruttura
Jibdew l-aktar xogħlijiet kruċjali fin-naħa ta’ fuq tat-telgħa tas-Saqqajja

Xahrejn mindu ngħalqet wara li ċediet parti mit-triq, Infrastructure Malta bdiet l-aktar xogħlijiet kruċjali għat-tisħiħ tan-naħa ta’ fuq tat-Telgħa tas-Saqqajja, fir-Rabat. Il-kuntratturi bdew iħaffru toqob fondi madwar sitt sulari li fihom se jiffurmaw sistema ta’ sisien b’34 pilastru tal-konkos u azzar biex jirfdu din it-triq mibnija fuq saffi ta’ blat u tafal dgħajjef li xahrejn ilu bdiet iċċedi.

Il-perit tal-proġett Anton Zammit qal li l-ħaddiema se jdaħħlu f’dawn it-toqob xibka tal-azzar twila li tibqa’ nieżla sal-qiegħ, u jimlewhom b’konkos b’saħħtu ħafna apposta biex jirreżisti t-tmermir mill-ilmijiet. “Il-kolonni ngħidulhom friction piles qegħdin imwaħħlin fl-art fit-tafal fondi ħafna sitt sulari l’isfel u jekk ikun hemm moviment fis-sulari ta’ fuq, it-triq se tibqa’ fejn hi.”

Il-Perit spjega li dan l-intervent hu meħtieġ biex ikun evitat li t-triq tkompli ċċedi u tiġbed magħha bini storiku li hemm fl-inħawi.

Ix-xogħol fuq dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €1 miljun, beda ħabta u sabta fl-aħħar ta’ Mejju wara li parti minn din it-triq ċediet għal ġol-wied ta’ taħtha waqt maltempata.

L-għada tal-maltempata, il-periti tal-aġenzija, flimkien m’esperti f’dan il-qasam, bdew studji ġeotekniċi biex jagħrfu eżatt il-qagħda tat-triq u tas-saffi ta’ blat, tafal u materjal ieħor taħtha.

L-aġenzija qed tikkollabora mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, biex tiżgura li kull intervent li jsir fit-triq iħares il-wirt storiku f’dawn l-inħawi, kemm binjiet kif ukoll fdalijiet arkeoloġiċi ta’ importanza li jista’ jkun hemm mirdumin fl-inħawi.

Fl-istudji li saru f’dawn l-aħħar xhur urew li t-triq, u l-ħajt tal-ġenb tagħha li ċeda f’Mejju li għadda, huma mibnijin fuq saffi fondi ta’ tafal b’ħafna ilma fih. Dan wassal biex matul is-snin it-triq bdiet iċċedi.

Il-Perit Zammit qal li t-triq mistennija tkun miftuħa għat-traffiku sal-aħħar ta’ Settembru. “Qed nantiċipaw li x-xogħol jieħu bejn 6 ġimgħat u 8 ġimgħat imbagħad it-triq inkunu nistgħu niftħuha għall-pubbliku.

Permezz tat-tisħiħ li qed isir bħalissa, it-triq u l-bini tal-inħawi se jintrifdu u ma jibqgħux jiċċaqilqu, bil-konsegwenza li jċedu mal-movimenti tas-saffi tat-tafal taħthom.

Aħbarijiet Oħra

Il-Professur Alexiei Dingli qal li għalkemm it-teknoloġija ilha magħna 70 sena mistennija tkompli tbiddel id-dinja tagħna fl-għaxar snin li ġejjin. Waqt seminar organizzat bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku dwar il-prospetti…

F’messaġġ fil-bidu tal-ġimgħa ddedikata għas-Servizz Pubbliku, il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-Servizz Pubbliku kien u jibqa’ s-sinsla tal-Gvern. Dr Abela rringrazzja li dawk kollha li qamu għall-okkażjoni u taw…

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza fil-konfront ta’ Joseph Calleja, li kien jaħdem ma’ Identity Malta. Huwa kien ġie kkundannat erba’ snin ħabs u ordnat jagħti lura €44,400 wara li nstab…

Wara li Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista talab biex tkun posposta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali responsabbli mit-tmexxija tal-elezzjoni qalet li m’hemmx bażi għal din it-talba. Qalet li l-Kummissjoni Elettorali ilha…

Aktar