COVID-19
Jibdew provi ġodda fuq tilqima tal-Covid-19 fir-Renju Unit

Bdew il-provi fir-Renju Unit ta’ vaċċin tal-Covid-19 fir-Renju Unit; li huma t-tielet tax-xorta tagħhom f’dan il-pajjiż.

Il-provi qed isiru bil-vaċċin prodott mill-kumpanija Belġjana Janssen, li qed tuża virus tar-riħ komuni modifikat ġenetikament.

Riċentament tħabbru riżultati inkoraġġanti mill-vaċċin prodott minn Pfizer u BioNThech, iżda dawn għadhom mhux approvati biex jintużaw fuq il-pubbliku, u għadu mhux magħruf kemm isservi l-protezzjoni jew jekk jaħdmux sew fuq l-anzjani.

Id-Direttur tal-faċilità tar-riċerka klinika NIHR f’Southampton, Prof Saul Faust, li se jmexxi dawn il-provi, qal li huwa mportanti li l-pajjiż isegwi tilqim magħmul minn kumpaniji differenti.

Dan għaliex għadu mhux magħruf kif kull vaċċin se jaħdem jew kemm se tkun sigura u effiċjenti l-provvista ta’ kull kumpanija.

F’dawn il-provi fir-Renju Unit qed jieħdu sehem 6,000 voluntier, waqt li voluntiera minn pajjiżi oħra għandhom itellgħu t-total għal 30,000.

Dawn se jkunu qed jingħataw żewġ dożi tal-vaċċin xahrejn bogħod minn xulxin, biex ir-riżultati jiġu mqabbla ma’ dawk tal-provi li diġà kienu għaddejjin, li fihom il-voluntiera jingħataw doża waħda.