Lokali
Jibdlu razzett għal presepju ħaj biex iferrħu lin-nies

Minkejja li l-pandemija naqqset mill-ispirtu tal-Milied u l-attivitajiet li jsiru s-soltu, familja Żebbuġija ġiet ispirata miċ-ċirkustanzi straordinarji li għaddejjin minnhom bi presepju ħaj iffurmat mill-membri tal-familja stess u l-annimali li jrabbu fir-razzett tagħhom stess.

Il-familja Agius qalet lil TVM li għamlet dan il-ġest ukoll biex tfakkar il-memorja tal-missier Karmenu li miet is-sena li għaddiet.

Dan huwa razzett tan-nagħaġ f’Ħaż-Żebbuġ. Normalment il-familja Agius irabbu l-annimali fih, iżda għal żmien il-Milied ddeċidew li jnaqqsu mit-tensjoni li ġabet magħha l-pandemija u minflok ibiddlu r-razzett fi presepju ħaj.

Il-membri tal-familja u wħud mill-annimali tar-razzett iffurmaw presepju ħaj. Ġuvni u tfajla libsu ta’ Madonna u San Ġużepp, u tifel li għamilha ta’ ragħaj. Ġħoġla, nagħaġ u ħaruf li twieldu ftit tal-jiem ilu sabu posthom ukoll f’dan il-presepju oriġinali li jista’ jitgawda min-nies huma u għaddejjin bil-vettura tagħhom jew mill-inħawi bil-mixi.

Il-familja Agius ħarġet b’din l-idea b’tifkira ta’ Karmenu Agius li miet is-sena li għaddiet, il-bniedem li wara missirijietu kompla bix-xogħol fir-razzett flimkien ma’ familtu. Tkellimna ma’ l-armla tiegħu Anna, li qaltilna li dan il-prespju ħaj iferraħha għax tara l-familja miġbura.

“Trid tkompli l-ħajja u t-tfal tarahom jagħmlu qisek jagħmlu kuraġġ…ħafna tfisser il-familja, narahom magħqudin nieħu pjaċir.”

Minn mindu kienu tfal, il-familja Agius dejjem ħadmu fl-għelieqi u fir-razzett, b’wieħed mill-ulied Leli qal li bħala familja dejjem raw kif għamlu sabiex jgħelbu l-isfidi, anki tal-pandemija.

“Ippruvajna nsibu metodu biex il-bniedem jiġu u jagħmel ftit minuti, ikun hawn Fr Christmas, u toħloq attività li sfortunatament mhawnx bħalhom minħabba s-sitwazzjoni kif inhi.”

Il-familja Agius anki offriet ftit ferħ billi wieħed mill-membri tal-familja libes ta’ Santa Klaws. Flok rigali għadda messaġġi ta’ kuraġġ lil min ikun għaddej. Din il-familja Żebbuġija qed tittama li b’dan il-presepju ħaj forsi tnissel raġġ ta’ tama lil min ikun għaddej.