Qorti
Jibqa’ arrestat klijent xurban li darab gravi barmaid bi flixkun

Klijent ta’ bar fil-Marsa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li dalgħodu tressaq il-Qorti akkużat li darab gravi lill-barmaid.

Ir-raġel ta’ 31 sena, Mussie Amare Kiflom, mill-Eritrea li jgħix fl-Imsida, mar jixrob f’bar fil-Marsa nhar il-Ħadd li għadda minkejja li s-sid tal-istabbiliment kien wissieh biex ma jersaqx ‘l hemm iktar.

Huwa wieġeb mhux ħati li darab lill-barmaid, li uża l-forza fil-konfront tagħha u lil sid il-bar, li heddidhom u li nsultahom.  Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat irrifjuta li jitlaq mill-bar meta kien se jagħlaq, tant li spiċċa jiġġieled mal-barmaid u s-sid tal-bar u allegatament beda jwaddbilhom xi fliexken.

Huwa ma laqatx lil sid il-bar, iżda darab gravi lill-barmaid bi flixkun minnhom tant li kellha tagħmel il-punti f’idejha u f’rasha.  L-avukat Noel Bartolo li deher għall-akkużat argumenta li l-klijent tiegħu kien qed jaġixxi taħt l-influwenza tax-xorb.

Minkejja t-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrifjutat it-talba minħabba li għad jonqos li jitilgħu jixhdu bosta nies dwar il-każ.

Ara wkoll:

Mara tweġġa’ gravi wara argument bejn 3 persuni