Qorti
Jibqa’ arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’pussess aggravat ta’ droga u ħasil ta’ flus

Jumejn wara s-sejba ta’ ħames kilogrammi droga kannabis, mal-€10,000 fi flus kontanti u oġġetti relatati mad-droga f’garaxx fil-Mosta, il-Pulizija ressqet il-Qorti lil Jeffrey Cassar ta’ 36 sena mill-Mosta u xlietu b’pussess aggravat ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati, bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace tiċħad it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.

Apparti li se jinżamm arrestat, il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi tal-akkużat.

Ir-raġel ġie arrestat nhar il-Ħamis f’garaxx fi Triq il-Bufula l-Ħamra fil-Mosta, ftit tal-ħin wara li żewġ persuni – raġel ieħor mill-Mosta u Russa li toqgħod s-Siġġiewi – niżlu mill-vettura tagħhom u daħlu fil-garaxx.

Is-sejba tad-droga u l-flus saru waqt rejd minn uffiċċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u r-Rapid Intervention Unit li fih it-tliet persuni fil-garaxx ġew arrestati u magħhom ġiet arrestata wkoll mara li tgħix f’residenza li hi parti mill-garaxx.

It-tliet persuni l-oħra ngħataw police bail.

Ara wkoll:

4 persuni arrestati wara li nqabdu bid-droga