Qorti
Jibqa’ miżmum arrestat sakemm bintu tħalli Malta

Sirjan ta’ 53 sena li jgħix Buġibba, baqa’ miżmum arrestat wara li l-Qorti se tagħti digriet dwar il-ħelsien mill-arrest tiegħu nhar it-Tnejn li ġej.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, kompla l-każ ta’ Amanadi Al Barhumi, akkużat li hedded u ħebb għal bintu ta’ 18-il sena b’sikkina u kkaġunalha ġrieħi serji, li kkaġuna repetutament biża f’bintu li se tintuża vjolenza kontriha, li żammha kontra l-volontà tagħha u li serqilha mat-€3,000.

L-Ispettur Ryan Vella qal li wara l-aħħar seduta, fid-19 ta’ Settembru li għadda, l-akkużat għadda €500 lil bintu biex hi tkun tista’ tmur lura lejn il-Greċja. Il-bint Yamamah Al Barhumi, kellha titlaq minn Malta llum iżda meta wasslet l-ajruport dalgħodu, instab li kien hemm xi protokolli li kienet m’għamlithomx u għalhekk issa se titlaq minn Malta nhar il-Ħadd.

Minħabba f’hekk, il-Qorti qalet li se tkun qed tagħti digriet dwar il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat nhar it-Tnejn, wara li t-tfajla titlaq mill-pajjiż.

Sadattant xehed Julian Grima, it-tabib li fis-17 ta’ Settembru eżamina lil Yamamah Al Barhumi u ċċertifikaha bi ġrieħi serji. Huwa qal li t-tfajla kellha girfa fuq l-għadma tal-kullar tal-għonq, tbenġila fuq in-naħa t’isfel ta’ daharha, uġigħ f’għonqha u farrett ta’ madwar żewġ ċentimetri f’gedduma.

Spjega li l-farrett huwa marka permanenti u għalhekk it-tfajla ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji.

Are wkoll:

Mixli li seraq u hedded lil bintu b’sikkina meta ġiet tarah Malta għax qal li se jmut