Lokali
Jiċċelebraw il-100 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Santa Liena

Meddet idejha mal-fqir . . . Għenet lill-imsejken . . . U ħobż il-għażż ma kilitx. Dawn il-kelmtejn f’ġieħ Santa Liena huma fost ir-rakkonti mill-ħajja tal-patruna tal-Karkariżi li sabu ruħhom f’oratorju li nkiteb biex ifakkar il-100 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Santa Liena.

L-oratorju se jindaqq fil-Bażilika ta’ Birkirkara fil-ġimgħa tal-festa li bdiet illum bil-ħruġ min-niċċa tal-vara ta’ Santa Liena.

F’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda Mużikali Santa Liena ħejjiet oratorju li b’ħila jżewwaq il-ħajja tal-patruna Santa Liena mat-twelid tal-Għaqda magħrufa bħala tal-Bagri. L-oratorju għandu żewġ xeni . . . mis-sejba tas-Salib Imqaddes f’Ġerusalemm minn Santa Liena sat-twaqqif tal-Banda li skont il-kompożitur Raymond Zammit, ħarġet mill-Banda tad-Duke of Connaught fl-1919.

Raymond Zammit qal “l-uġigħ ta’ ras kbira li kelli biex namalgama kollox fil-librett ma’ xulxin. Minn dik il-ħlewwa ta’ dik il-qaddisa għal dan l-avveniment li ġara f’Birkirkara.”

Il-President tal-Għaqda, Anthony Saliba, qal li t-tħejjijiet għaċ-ċentinarju ilhom għaddejjin sentejn li matulhom ġew organizzati 100 attività. Fi kliemu, l-oratorju fih sorpriżi ħelwin għad-devoti.

Anthony Saliba qal “daħħalna l-iktar affarijiet popolari tal-Banda f’dan l-oratorju inkluż il-kliem tal-antifona li tindaqq fil-Knisja l-innu popolari u l-innu tal-banda.”

Ma jonqosx is-sehem tal-Banda Santa Liena li se tiftaħ l-impenji tagħha bid-daqq tal-oratorju t-Tlieta fil-Bażilika ta’ Santa Liena. Id-delegat tal-Banda, Tony Carbonaro, qal li l-bandisti għandhom ġimgħa ppakkjata bl-attivitajiet fosthom il-Ġimgħa bil-marċ tal-aħħar Tridu u l-programm mużikali tas-Sibt.

Tony Carbonaro qal “nagħlqu mbagħad il-festa b’marċ brijuż il-Ħadd filgħodu 18 ta’ Awwissu. Aħna dejjem qed ngħidu li l-100 sena darba se ngħixuha.”

Għalkemm is-soltu l-festa ta’ Santa Liena tiġi ċċelebrata Ħadd fuq it-18 ta’ Awwissu, din is-sena l-Karkarkiżi se jiċċelebrawha f’nharha t-18 ta’ Awwissu.

Aħbarijiet Oħra
Temp

Skont il-paġna fuq Facebook, it-Temp Madwarna, jidher li l-ewwel maltempata tinsab wara l-bieb. Skont l-istess paġna diversi mudelli tat-temp qed jindikaw li fl-aħħar jiem t’Awwissu jista’ jkollna l-ewwel xita hekk kif…

Kronaka

Żagħżugħ Franċiż ta’ 24 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li x’aktarx ipprova jaqbeż minn fuq dgħajsa għall-baħar u spiċċa ħabat rasu mad-dgħajsa. Il-pulizija qalet li ġiet infurmata bl-inċident, li seħħ…

Lokali

Id-Dwana kkonfiskat 1,700 sigarett tal-kuntrabandu minn maħżen ta’ stabbiliment f’Bormla. Dan seħħ wara xhur ta’ sorveljanza mill-uffiċjali tad-Dwana. Is-sid inqabad fil-fatt joħroġ kaxex ta’ sigaretti tal-kuntrabandu mill-maħżen, li jinsab biswit…

Lokali

Beda jaqta’ x-xagħar ta’ 13-il sena u llum li għandu 68 sena m’għandux ħsieb li jieqaf. Il-barbier Żejtuni Louis Cassar jispjega lil TVM għal xiex mal-bieb ta’ barra weħħel tabella…

Aktar