Lokali
Jiddaħħal f’Malta taħriġ li jgħinek tidħol fid-dinja tax-xogħol

F’Għawdex, 22 persuna qed jingħataw sena taħriġ li għandu jgħinhom jiksbu ħiliet biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jżommu l-impjieg li jirnexxilhom isibu. L-iskema li hi inizjattiva bejn il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex hi maħsuba li tkun ta’ spalla għal persuni żvantaġġjati minħabba sitwazzjonijiet differenti fil-ħajja.

L-apprentist John Zammit qal: “Għandna korsijiet on site u off site – waħda fuq il-koperattiva kif taħdem u l-oħra fuq is-safety u biex nitgħallmu x-xogħol tagħna kif nagħmluh. Bħalissa qegħdin niffukaw fuq il-cleaning madwar ir-Rabat.”

John Zammit hu wieħed minn 22 apprentist li qed isegwu skema ta’ sena taħriġ li tnediet tliet xhur ilu mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. L-iskema tenfasizza l-inklussività u l-ħajja indipendenti u għalhekk tibni fuq programmi oħra li toffri l-istess fondazzjoni. Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, qal li dan il-kunċett rawh jaħdem fi Spanja u riedu jintroduċuh f’Malta.

“Hawn possibilitajiet tajbin, kemm mill-Ministeru u kemm minn entitajiet oħra lesti li jagħtu xogħol lil dawn in-nies li kienu vulnerabbli u għalhekk aħna interessajna ruħna fihom li ma setgħux isibu impjieg u wara li nagħtuhom it-taħriġ jibda jaħdem il-proġett b’suċċess ġewwa Għawdex imbagħad naraw kif nestenduh f’Malta wkoll.”

Id-direttur tal-fergħa tal-fondazzjoni f’Għawdex, Monsinjur Joe Vella Gauci, qal li f’dan l-impenn huma qegħdin jimxu id f’id mal apprentisti.

“Aħna bhala FSWS ingħatajna dak l-inkarigu biex nakkumpanjaw lil dawn l-apprentisti matul din is sena ta’ taħriġ. Minkejja dan kollu l-iskop tagħna huwa wieħed – li ma jiqafx wara din is-sena iżda nkomplu nakkumpanjawhom fis-snin li ġejjin.”

Fi żjara lill-apprentisti, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, għaraf li din l-iskema għandha l-għan tgħin persuni li qegħdin ifittxu xogħol u li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari u jinsabu żvantaġġjati minħabba diversi realtajiet. Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, saħaq li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu u kulħadd għandu dritt li jilħaq il-massimu tal-potenzjal tiegħu.