Immigrazzjoni
Jiddiskutu l-immigrazzjoni fil-Mediterran u diversi temi oħra

L-immigrazzjoni fil-Mediterran u diversi temi oħra fosthom il-kummerċ, il-kultura u l-investiment kienu diskussi bejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż Jean Yves Le Drian f’laqgħa li nżammet fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fil-Belt Valletta.

Il-Ministru Bartolo qal li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena waslu Malta 2,000 immigrant li huwa d-doppju ta’ kemm waslu fl-istess xhur is-sena l-oħra. Spjega li mal-kosta Libjana hemm biss żewġ patrol boats jissorveljaw medda kbira ta’ kosta li qed jagħmilha aktar faċli għat-traffikanti tal-persuni. Minkejja dan, qal il-Ministru Bartolo, kien hemm mat-3,000 immigranti li ma tħallewx jaqbdu r-rotta lejn l-Ewropa. Spjega wkoll lir-rilokazzjoni ma ħadmitx għax fi 15-il sena kienu biss 8% li ttieħdu minn pajjiżi oħra.

Il-Ministru Franċiż qal li Malta u Franza għandhom l-istess għan għal Libja dak li jkun hemm pajjiż magħqud u ħieles. Spjega li Franza tifhem il-piż tal-immigrazzjoni li qed iġġor Malta fejn qal li uffiċjali Franċiżi jintbagħtu Malta biex jittieħdu numru ta’ immigranti.