Lokali
Jidħlu fis-seħħ żewġ liġijiet li jirregolaw il-ġbir pubbliku u l-ħwienet tal-karità

L-attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus mingħand il-pubbliku u l-ħwienet tal-karità li jagħmlu ftit aktar minn 1,600 għaqda volontarja reġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji issa se jkunu sorveljati bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza u kontabilità. Konsulent legali f’dan l-Uffiċċju spjegat li r-regolamenti ġodda qed jgħinu lil Malta tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta’ Moneyval biex l-għaqdiet volontarji ma jintużawx għall-attivitajiet illegali bħal ħasil ta’ flus.

Bil-għan li s-settur tal-għaqdiet volontari jkun aktar regolarizzat u jkun hemm aktar trasparenza u kontabiltà fl-attivitajiet li jagħmlu, għadhom kif daħlu fis-seħħ żewġ liġijiet sussidarji dwar il-ġbir pubbliku u l-ħwienet tal-karità.

Dr Maria Criminale li ħadmet fuq dawn il-liġijiet spjegat li dawn huma maħsuba li jissalvagwarjaw aktar lill-organizzazzjonijiet volontarji u jkun assigurat li mhux qed jintużaw għal attivitajiet illegali bħal ħasil ta’ flus jew l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

“Speċjalment fir-rigward ta’ Moneyval daħħalna regolamenti importanti li se jagħtu ċ-ċans lill-Kummissarju jinvestiga dawn l-għaqdiet, jista’ jitlob informazzjoni u jgħaddi informazzjoni lill-entitajiet oħra bħal MFSA, FIAU u l-Avukat tal-Istat biex kulħadd jaħdem flimkien b’għan wieħed sabiex neliminaw kemm jista’ jkun attivitajiet illeċiti li jistgħu jitwettqu minn għaqdiet volontarji”.

Sa issa l-attivitajiet ta’ ġbir pubbliku u tal-ħwienet tal-karità ma kienux regolarizzati. “Qed jiġu rreġistrati l-attivitajiet kollha kemm ta’ ġbir u dawk imwettqa minn ħwienet tal-karità biex hekk ikunu sorveljati aktar mill-Uffiċċju tal-Kummissarju u nagħmlu ċert li jkunu konformi aktar mar-regolamenti”.

Dr Criminale qalet li b’dawn ir-regolamenti qed jinħoloq bilanċ bejn l-operat tal-għaqdiet biex waqt li jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom, ikun assigurat li huma konformi mar-regolamenti ġodda. Spjegat ukoll li issa hemm ukoll definizzjoni aktar ċara bejn l-għaqdiet ta’ interess pubbliku u dawk bi skopijiet kummerċjali.

“U allura ma tistax tinħoloq biex ikun hemm xi forma ta’ business jew relazzjoni ma’ commercial jew financial transactions, dawk imbagħad ma jiġux organizzazzjoniiet volontarji imma jitqiesu bħal kumpaniji u entitajiet oħra”.

Bl-emendi li saru fl-2018 fl-Att dwar l-għaqdiet volontarji, l-organizzazzjonijiet bi dħul gross ta’ iktar minn ħamest elef ewro fis-sena huma obbligati li jkunu reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u suġġetti għar-rendikonti u verifiki regolari.

Minn ċifri li kiseb TVM, sa tmiem l-2020 kien hemm madwar 1,631 għaqda volontarja reġistrati ma’ dan l-uffiċċju li bħalissa qed issaħħaħ ir-riżorsi umani fid-Dipartiment tal-ġbir pubbliku u l-ħwienet tal-karità biex ikun hemm monitoraġġ aħjar tal-attivitajiet tagħhom.