Qorti
Jidħol jittallab fi Knisja u jisirqilha l-mobile

Raġel ta’ 24 sena ntbagħat 7 xhur ħabs wara li nstab ħati li seraq mobile b’valur ta’ €300 minn Knisja.

Fil-Qorti nstema’ kif nhar il-5 ta’ Diċembru, 2020 mara li kienet fil-Knisja tad-Duluri fil-Ħamrun ħalliet il-mobile fuq mejda fis-sagristija u li meta marret lura ma sabitux.

Fix-xhieda tiegħu, Fr Timon Mercieca spjega li l-mara hija volontiera fil-knisja tiegħu u peress li taħdem ħafna għall-knisja kien taha mobile. Qal li l-mara kienet qaltlu li sakemm marret issaqqi l-ġulbiena kienu ġew xi nies jittalbu u hemmhekk kienu ħadulha l-mobile li kienet ħalliet fuq mejda fis-sagristija.

L-għada, il-Pulizija kienet infurmata li fit-Triq is-Sur ta’ Santa Barbara, Valletta kien hemm raġel miżmum mill-Pulizija għax beda jitfa’ xi ġebel minn fuq is-sur. Wara li saritlu tfittxija nstab mobile fil-ġakketta. Huwa kien qal li xtrah għall-prezz ta’ €70 minn xi mkien il-Ħamrun. Il-Pulizija qalet li wara tfittxija saret taf li kien misuq.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-mobile kien l-istess wieħed tal-mara. Il-Qorti semgħet kif ir-raġel għandu problema tad-droga u li l-mobile ġiet ritornat lura ftit jiem wara li nsteraq.