Unjoni Ewropea
“Jien nibqa’ ottimist … se nibqgħu ninsistu li nġibu r-riżultat li jixraq lil pajjiżna” – il-PM Abela fi Brussell

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser ruħu ottomist li fil-Kunsill Ewropew Speċjali li qed jitlaqqa’ fi Brussell jintlaħaq ftehim u li għal Malta ‘deal’ b’saħħtu.

Waqt waqfa qasira mit-taħditiet, f’intervista ma’ Television Malta, il-Prim Ministru Abela qal li minkejja li tard il-Ġimgħa filgħaxija t-taħditiet kienu ddeġeneraw issa jidher li reġgħu qabdu ritmu tajjeb u “hemm lok ta’ fejn wieħed jiftiehem”.

Il-Prim Ministru Abela qal li kemm mill-budget għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll mill-Fond ta’ Rkupru biex jagħmel tajjeb għall-ħsara ekonomika li ħasad il-Coronavirus, huwa jistenna li Malta takkwista ftehim sodisfaċenti “minkejja li qed jintużaw kriterji li s-suċċess ekonomiku ta’ Malta tal-aħħar snin jaf jaħdem kontrina”.  Il-Prim Ministru tenna li Malta se tibqa’ tinsisti li takkwista ftehim b’saħħtu li jiżboq dak li ġie negozjat għas-seba’ snin li għaddew. “Se nibqgħu nippreservaw sabiex inġibu r-riżultat  li jixraq lil pajjiżna”.

Il-budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin jiskorri l-elf biljun ewro filwaqt li l-Fond ta’ Rkupru jmiss is-€750 biljun.

Fl-ewwel budget tal-Unjoni Ewropea li Malta kellha sehem minnu għas-seba snin bejn l-2007 u l-2013 Malta kienet kisbet €1.114 miljun, filwaqt li għas-seba’ snin bejn l-2014 u l-2020 Malta kisbet €1.128 miljun.

Ara wkoll:

“Ninsabu determinati li nkomplu naħdmu fl-aħjar interess tal-Għawdxin u tal-Maltin” – PM