Lokali
Aġġornat: Jieqaf bil-mutur biex jagħti d-daqqa t’id sewwieqa li nqabdet fil-Wied ta’ Birkirkara

Ħaddiema tal-kumpanija Wolt ma ħasibhiex darbtejn biex jieqaf bil-mutur u jagħti daqqa t’id lil sewwieqa ta’ karozza li nqabdet bil-karozza fil-Wied ta’ Birkirkara.

Ritratt ippubblikat fuq il-midja soċjali juri lill-ħaddiem għasra minn rasu sa saqajf jneħħi oġġett minn taħt ir-rota tal-karozza. Intervent li permezz tiegħu t-traffiku seta’ jibqa’ għaddej.

B’reazzjoni, fuq il-paġna tal-facebook ta’ TVM, Alison Bezzina, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali tat ħajr lir-raġel barrani li għenha f’dik is-sitwazzjoni.

“That’s my car there. The man, a foreign national, was super helpful and served with a smile. Big thank you whoever you are”, qalet Bezzina.

Inċidentalment Bezzina qalet li dan kollu seħħ f’għeluq sninha.

“Kelli ħafna pjanijiet għal għeluq snini, iżda żgur mhux li nibqa’ mwaħħla fil-karozza tiegħi”.

Hija qalet li għamlet sagħtejn u nofs tistenna vann tal-irmonk u minkejja li din l-esperjenza kienet frustranti, serviet ukoll biex tagħraf li fid-dinja għad hawn min għandu qalbu tajba.

Qalet li dan ix-xufier kien eżempju ta’ dan iżda mhux biss. Qalet li ftit tal-minuti wara, minkejja li kienet għadha nieżla x-xita, tfaċċat mara li ħaditilha tazza te u ilma għall-klieb. Hija żiedet tgħid li aktar tard, tliet pulizija li kienu għasra, waqqfu bosta karozzi milli jibqgħu deħlin fiha.

Intant kawża tal-maltempata kbira li laqtet lill-pajjiżna dalgħodu, għal xi ħin dawk li normalment kienu jixtru l-ikla tagħhom ta’ nofsinhar permezz tal-Wolt u l-Bolt, illum kellhom jaraw kif se jirranġaw wara li s-servizz offrut tat-twassil tal-ikel quddiem id-dar jew fuq il-post tax-xogħol, kellu jiġi sospiż minħabba s-sitwazzjoni fit-toroq Maltin.

“Il-kwantità ta’ ilma li niżlet f’daqqa affettwat lill-pajjiż kollu u staġnat diversi toroq”