Annimali
Malta tikseb id-deroga biex tiftaħ l-istaġun tal-insib

Mis-Sibt l-20 ta’ Ottubru, sal-31 ta’ Dicembru jista’ jsir l-insib għall-pluvieri u l-malvizz bi kwota ta’ 5000 malvizz u 700 pluviera li jistgħu jinqabdu. Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-Gvern tkellem mal-Kummissjoni Ewropea fuq din id-deroga wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea li f’Lulju li għadda ddeċidiet li Malta kienet qed tikser id-direttiva tal-għasafar bl-insib għall-għasafar tal-għana.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal “iddiskutejna u għall-ewwel darba Malta għandha deroga għall-pluvieri u malvizz aċċettata mill-Unjoni Ewropea”.

Il-Perit Camilleri qal li bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea, l-insib għal dawn iż-żewġ speċi jista’ jsir b’diversi kundizzjonijiet dwar ix-xbieki li jintużaw u li ma jsirx insib wara l-inżul ix-xemx. Qal kull nassab jista’ jkollu mansab wieħed u dawn ser jiġu ppublikati. Is-Segretarju Parlamentari wissa’ li se jkun hemm tisħiħ tal-infurzar u appella biex in-nassaba josservaw il-liġi.

B’reazzjoni Birdlife qalet li qed tistenna konferma mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deroga. Birdlife qalet li l-Kummissjoni qatt ma tilħaq qbil fuq derogi imma tistaqsi għal ġustifikazzjoni wara li dawn jiġu implimentati. Birdlife qalet li possibilment l-Gvern qed jgħaddi biż-żmien lill-Kummissjoni Ewropea fuq l-kwoti waqt li wriet sodisfazzjon li l-imnassab se jkunu ppubblikati.

Min-naħa l-oħra l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti esprimiet is-sodisfazzjon li l-Gvern ġab din id-deroga. Il-FKNK qalet li saħaq fuq l-osservanza tar-regolamenti ta’ din id-deroga, għax qalet li kull att illegali jimmina l-isforzi tagħha biex jinkiseb progress għal min jipprattika d-delizzju tal-kaċċa u l-insib.