Storja
Jiftakar it-3 statwi titulari tal-Kottonera jirritornaw lura wara t-Tieni Gwerra Dinjija

Il-Parroċċi tal-Kottonera qed ifakkru 75 sena mindu laqgħu lura fi ħdanhom l-istatwi titulari wara li ttieħdu f’Paroċċi oħra l-bogħod mill-attakki tat-Tieni Gwerra Dinija. Lejlet ċelebrazzjoni f’Bormla tal-pellegrinaġġ li ġab lura l-Kunċizzjoni minn Birkirkara, TVM tkellem ma’ Laurence Mizzi li jiftakar sew dawk il-ġrajjiet.

Laurence Mizzi, jgħodd 87 sena u għadu jġib quddiem għajnejħ dak li għaddiet minnu l-Kottonera fit-Tieni Gwerra Dinija. Irrakkonta l-imrar li ra quddiem għajnejh, li wassal biex l-istatwi titulari tal-Kottonera ttieħdu għall-kenn f’Birkirkara u l-Imdina. Is-Sur Mizzi jiftakar ukoll il-festi kbar li għamlu l-Bormliżi, il-Ġirbin u s-Sengleani meta ġabu l-istatwi lura f’belthom.

Is-Sur Mizzi ddeskriva dak li seħħ fl-Isla fit-8 ta’ Settmbru 1943, meta l-istatwa tal-Bambina nġarret f’purċissjoni mid-daħla tal-Isla sal-Knisja ta’ San Filippu, li tagħti għall-fuq il-Port il-Kbir.

“Dakinhar kien hemm eluf kbar. Jien kont magħhom. U kif il-Bambina walset f’nofs ix-xatt, kien hemm destroyer u fuq il-loudspeaker instema’ li ċediet l-Italja. U f’daqqa waħda in-nies tista’ taħseb, il-festa tal-Vitorja u l-Italja ċediet. Il-Gwerra spiċċat!”

Il-Ġirbin ukoll għamlu festi kbar meta laqgħu lura l-istatwa ta’ San Lawrenz, f’pellegrinaġġ meta hu akkumpanja bħala abbati.

“Niżlu l-istatwa ta’ San Lawrenz fil-knisja tal-kunċizzjoni u f’Lulju niżel pellegrinaġġ minn Bormla sal-Birgu u saret il-festa. Il-Birgu, nofsu mwaqqa’, il-knisja bla koppla, il-kappella tas-sagrament imwaqqa’, is-sagristija mwaqqa’ mietu ħafna nies fiha.”

Is-Sur Mizzi qal li għadu immeraviljat bil-pellegrinaġġ ta’ ringrazzjament bl-istatwa u l-kwadru titulari tal-Kunċizzjoni mill-Knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara sa Bormla.

“U kellhom għalfejn għax Bormla l-knisja lanqas biss intmisset! Jien ma kontx waħdi kont maz-ziju tiegħi li kien dilettant, u ngħidlek il-verità, meta wasalna Raħal Ġdid, ma bqajniex mexjin u baqgħu sejrin Bormla u l-pellegrinaġġ dam xi 8 sigħat jew iżjed.”

Il-75 anniversarju ta’ din il-ġrajja ser jitfakkar għada b’rappreżentazzjoni awdjoviżiva f’Baċir Numru 1 f’Bormla li jippreżenta l-istorja tal-Parroċċa minn qabel it-twaqqif tagħha fis-sena 1584 sal-1944.

L-ispettaklu jinkludi, kant, żfin, nar sinkronizzat, drama kif ukoll projection mapping fuq il-faċċata tal-Knisja ta’ Bormla.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Żewġ residenti li jgħixu fi Triq il-Baltiku, San Ġiljan qamu maħsuda hekk kif sabu l-karozzi tagħhom milquta. Resident li kkuntattja lil TVM qal li dan mhux l-ewwel inċident tax-xorti tiegħu…

Saħħa

Is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika qalet li qed tagħmel moniteraġġ kontinwu fuq is-sitwazzjoni fiċ-Ċina u li qed isegwi l-pariri tal-Organiżżazzjoni Dinija għas-Saħħa (WHO). Fi stqarrija, intqal li Malta qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha wara…

Mużika

Inawgurata fis-sena 1989, CAP-Sounds hija aġenzija tal-produzzjoni u l-ippubbiklar tal-mużika fil-qalba tal-Ġermanja li dejjem tat sapport u sostenn lill-artisti Maltin; sa mill-1996 meta Miriam Christine rrapreżentat ‘l Malta fil-Eurovision Song…

Aktar