Lokali
Jiftħu l-applikazzjonijiet b’roħs fil-miżati għall-eżamijiet tal-MATSEC

Hekk kif għadhom kif infetħu l-applikazzjonijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal fi stqarrija li se jibda japplika roħs fil-miżati kif kien tħabbar fil-Budget 2017 u fil-manifest elettorali tal-Gvern.

Din is-sena r-roħs se jkun bin-nofs, filwaqt li mis-sena d-dieħla l-eżamijiet se jkunu b’xejn. Fl-istqarrija jingħad li l-għan aħħari ta’ din il-miżura hu li l-edukazzjoni tkun aktar aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li se tnaqqas id-diffikultaijiet finanzjarji li setgħu kienu qed iwasslu biex student ma jagħmilx dawn l-eżamijiet.

Ftit tal-ġimgħat ilu, għall-ewwel darba wkoll, il-Ministeru fakkar kif daħlet fis-seħħ miżura oħra li l-past papers tal-O-levels u anke tal-A-levels tal-MATSEC saru aċċessibbli għall-pubbliku b’xejn.