Settur Marittimu
Għandek inizjattiva innovattiva dwar is-settur marittimu?

Fetħu l-applikazzjonijiet għal fond ‘Maritime Proof of Concept Fund’ li huwa huwa miżura tal-baġit tal-Gvern u joffri €100,000 għal min jirnexxielu joħroġ b’inizjattivi innovattivi relatati mas-settur marittimu.

Fi stqarrija tal-Gvern intqal li kull proġett jista’ jieħu sa massimu ta €20,000. Dan seħħ wara li ġie ffirmat Memorandum of Understanti bejn Transport Malta u l-Università ta’ Malta.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-innovazzjoni tinsab fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern, u xejn inqas fis-settur marittimu. Qal li s-settur marittimu huwa pilastru tal-ekonomija li jiġġenera aktar minn 14% tal-Prodott Gross Domestiku u joħloq eluf ta’ mpjiegi.

Il-Ministru Ian Borg qal li r-reġistru waħdu  fl-aħħar seba’ snin kważi rdoppja fit-tunnellaġġ, u fl-2019 biss kien hemm 7% żieda fir-reġistrazzjonijiet kemm tal-bastimenti merkantili kif ukoll tas-superyachts.

Żied li f’dan is-settur, din is-sena diġà kien hemm diversi inizjattivi li ttieħdu mill-Awtorità favur id-diġitizzazzjoni, għax il-Gvern irid dejjem ipoġġi l-innovazzjoni fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.

Id-Direttur tal-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta Inġ. Anton Bartolo qal li l-Maritime Seed Award tfittex li tħeġġeġ lir-riċerkaturi u l-imprendituri biex iħaddnu l-ideat innovattivi tagħhom u jimbuttawhom ‘il quddiem.

Qal li b’dan il-mod qed jittamaw ukoll li żgħażagħ innovativi jsibu l-ispirazzjoni fil-proġetti appoġġjati minn din l-għotja, tant li jsiru kreaturi huma wkoll.”

Iċ-Chairman ta’ Transport Malta is-Sur Joseph Bugeja qal li din hija kooperazzjoni li ilha sejra diġà tliet snin u huwa ta’ pjaċir li l-Awtorità qed terġa’ tniedi din l-inizjattiva għal tliet snin oħra fejn fondi qed ikunu allokati biex l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni jwassluna biex nattwalizzaw din l-idea importanti.

Din l-inizjattiva bdiet fis-sena 2017, bi €300,000 allokati għall-aħħar tliet snin u €300,000 oħra allokati għat-tliet snin li ġejjin, maqsuma f’ €100,000 kull sena, inkluż l-2020.

L-applikanti huma mistiedna jattendu is-sessjoni tal-orjentazzjoni mandatorja relevanti li tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-Maritime Seed Award (MarSA) kif ukoll tagħrif dwar kif wieħed għandu jipprepara l-applikazzjonijiet bil-miktub.

Il-‘Proof of Concept Workshop’ se jittella’ onlajn nhar il-Ħamis 10 ta’ Settembru filwaqt li s-‘Seed Fund Workshops’ se jittellgħu onlajn nhar it-Tnejn 14 ta’ Settembru.

Il-workshops għal din is-sena huma mandatorji u l-applikazzjonijiet jiġu aċċettati biss jekk l-applikanti jew membri tat-tim li għandhom rwol essenzjali jirreġistraw u jattendu l-workshop ta’ MarSA rispettiv.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur  https://takeoff.org.mt/seedfundawards/marsa-2020/ 

Isma l-kummenti tad-Direttur tal-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta Inġ. Anton Bartolo: