Lokali
Jiġbru mal-1,500 tunnellata ta’ alka minn 3 bajjiet

Il-gżejjer Maltin dan is-sajf ser jerġa’ jkollhom 12-il bajja li se jtajru l-bandiera l-blu – ċertifikat ta’ kwalità li jingħata mill-Fondazzjoni Internazzjonali għall-Edukazzjoni Ambjentali. Fir-rapport tagħha iżda, l-Fondazzjoni tinnota li l-marinas ta’ Malta fadlilhom biex jilħqu l-livell tal-bandiera l-blu.

U bis-sajf fuq l-għatba, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni qed tagħti spinta biex tnaddaf il-bajjiet mill-alka. Fl-aħħar tliet ijiem inġabru 1,500 tunnellata ta’ alka minn tliet bajjiet.

Disa’ bajjiet f’Malta u tlieta oħra f’Għawdex reġgħu ngħataw il-bandiera l-blu mill-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali bbażata f’Copenhagen fid-Danimarka. L-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità, is-sigurtà bis-servizz ta’ life guards, il-kwalità tal-baħar u l-indafa huma fost kriterji biex bajja tingħata din il-bandiera li hija ċertifikat ta’ kwalità.

Iżda l-Fondazzjoni li f’Malta hija rapprezentata min-Nature Trust, ġibdet l-attenzjoni li l-marinas f’Malta għadhom lura milli jilħqu l-livell tal-bandiera l-blu u ħeġġet għal impenn biex dawn jiggarantixxu livell ta’ kwalità u rispett lejn l-iżvilupp sostenibbli.

Sadanittant, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni f’dawn il-jiem tat spinta bdiet tneħħi l-alka mill-bajjiet. Fl-aħħar jiem, minn tliet bajjiet, fosthom mill-Għadira, inġabru mal-1,500 tunnellata ta’ alka.

Il-ħaddiema bdew jużaw apparat apposta biex anke tittella’ l-alka mill-baħar, iżda kif spjega d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Ramon Deguara din tinġabar f’munzell u titħalla tinxef qabel tinġarr.

Ramon Deguara mid-Diviżjoni tat-tindif u l-manutenzjoni qal li “inħalluh jiddrejna għal 48 siegħa biex jekk hemm xi flora jew fawna li fih tista’ toħroġ minn dan il-proċess tiġi releazjata u wara jintrama fil-faċilitajiet li toffri l-kumpanija wasteserv jew imur għand il-bdiewa li jitolbuna li għandhom bżonn din l-alka.”

Is-Sur Deguara qal li x-xogħlijiet ta’ tindif tal-alka mill-bajjiet mistenni jitlesta sa nofs Ġunju. Minbarra l-bajja tal-Għadira, sar tindif tal-alka mill-bajjiet ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan u l-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li minn dan l-istaġun, it-tindif tal-bajjiet beda jsir skont linji gwida maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, bil-għan li jkun protett l-ambjent sensittiv tal-bajjiet. Spjega li l-alka għandha valur ambjentali għax hija sors ta’ ikel u abitat għal diversi speċi anke jekk tista’ tidher li qed tħammeġ il-bajjiet.