Lokali
Jiggradwaw 36 minn kors fil-ħarsien tal-minuri

Kors fil-ħarsien tal-minuri offrut minn istitut ta’ formazzjoni fi ħdan il-Knisja f’Għawdex hu rikonoxxut u akkreditat mill-Awtorità għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Fl-aħħar jiem saret il-gradwazzjoni ta’ 36 persuna li attendew għal dan il-kors: wieħed offrut f’Għawdex u l-ieħor f’Malta.

Fl-aħħar ħames snin, nies involuti f’ħidmet il-Knisja mat-tfal bħal saċerdoti, katekisti u mexxejja ta’ gruppi u għaqdiet u anke mhumiex bħal mexxejja ta’ gruppi ta’ scouts rċevew kors ta’ formazzjoni fil-ħarsien tal-minuri. Il-kors hu offrut mill-Istitut għall-Ministeru Pastorali tad-Djoċesi ta’ Għawdex li s’issa f’ħidmietu kien iffukat l-aktar fuq il-formazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri.

L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma mexxa ċerimonja ta’ gradwazzjoni fejn 36 persuna oħra temmew b’suċċess dan il-kors li kien offrut kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. Il-kors hu rikonoxxut u akkreditat mill-Awtorità għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. L-Isqof Teuma qal li dan il-kors u ħidmet l-Istitut għall-Ministeru Pastorali jifforma parti mill-missjoni ta’ kull djoċesi li toffri formazzjoni lill-insara.

“Nixtiequ li kull membru tal-Knisja f’Għawdex ikollu l-opportunità jifforma ruħu f’dan l-istitut li fih ikun hemm il-possibilità li jiġu trattati diversi temi li huma marbutin fil-ħajja tan-nisrani imma mhux biss, suġġetti marbutin max-xjenzi umani, suġġetti marbutin max-xjenzi soċjali, kulturali. Ukoll ikun hemm l-opportunità ta’ esperjenza, ta’ hands on, b’tali mod li dak li nagħtu ma jibqax biss sempliċiment trażmissjoni ta’ ideat, istruzzjoni, imma fuq kollox issir formazzjoni tal-qalb tal-persuna.”

L-Isqof radd ħajr lill-fundatur u l-ewwel direttur tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali, Dun Joseph Farrugia, li ngħata responsabilitajiet ġodda u ta merħba lil Dun Noel Debono bħala d-direttur il-ġdid. L-istitut qed iħabrek biex ikun hemm korsijiet oħra akkreditati mill-awtoritajiet edukattivi fosthom fil-liturġija u għal dawk li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli.