Settur Marittimu
Jikber l-interess fost il-Maltin għal-liċenzja nawtika

L-interess tal-Maltin fil-baħar hu naturali. Din is-sena Transport Malta rreġistrat żieda sostanzjali fl-interess minn persuni biex jiksbu l-liċenzja tal-baħar. Il-liċenzja nawtika hi obbligatorja għal kull min irid isuq dgħajsa fl-ibħra Maltin.

F’Malta hawn madwar 20,000 liċenzja nawtika attivi. Uffiċċjal minn Transport Malta kkonferma ma’ tvm.com.mt li din is-sena kien hemm żieda fl-għadd ta’ persuni li applikaw għal kors biex jiksbu l-liċenzja nawtika, aktarx għaliex bosta kellhom aktar ħin fuq idejhom minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija.

“Kien hemm żieda kien hemm perċentwal ma nistax inkun speċifiku fih imma kien hemm perċentwal ogħla minn meta konna ħriġnihom fis-snin li nistgħu ngħidulhom normali, għaliex nimmaġina li ħafna individwi forsi riedu jagħtu daqxejn iktar ħajja liċ-ċirkostanzi li konna għaddejjin minnhom,” qal is-Senior Manager ta’ Transport Malta, Konrad Muscat.

Minn Mejju ta’ din is-sena, il-kors għall-eżamijiet tal-liċenzja nawtika ma baqax isir fl-MCAST iżda qed torganizzah Transport Malta. Is-Sur Muscat qal li l-liċenzja nawtika tinkiseb wara kors u eżami, u hija obbligatorja għal min irid isuq dgħajsa għal rikreazzjoni li jkollha tul sa 24 metru u magna ‘l fuq minn 30 horsepower. Il-liċenzja hija valida għall-ibħra territorjali Maltin, sa 12-il mil mill-kosta, u tgħodd għal 10 snin.

“Hemm regoli li wieħed irid josserva meta jkun il-baħar jekk ikun hemm xi individwu li ma jkunx qed josserva dawn ir-regoli ovvjament hemm sett ta’ penali li japplikaw u anku tista’ tasal biex tittieħidlu l-liċenzja,” kompla Konrad Muscat.

Mistoqsi jekk persuna li għandha liċenzja maħruġa minn istituzzjoni barranija tistax issuq inġenji tal-baħar fl-ibħra Maltin, is-Sur Muscat qal li jekk il-kontenut u l-istandars tal-kors u ċ-ċertifikat li jkun għamel huma aċċettabli u jikkumparaw mal-kors tal-liċenzja nawtika Maltija, Transport Malta tapprovah.