Kultura
Jikkontrollaw it-temperatura biex iħarsu r-restawr fil-kripta tal-Granmastri fil-Konkatidral

Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, riesaq lejn tmiemu proġett ikkumplikat li nvolva snin ta’ studji u xogħol għad-disinn u l-istallazzjoni ta’ sistema li tikkontrolla l-ambjent fil-kripta tal-Granmastri. Il-proġett qed jaċċerta li t-temperatura u l-umdità taħt l-art qed jinżammu fil-livelli rakkomandati, biex ir-restawr li sar fil-kripta jiġi mħares.

Taħt il-kor u parti mill-artal prinċipali tal-Konkattidral ta’ San Ġwann hemm kripta li fiha midfuna l-ewwel tnax-il Granmastru li mexxew lill-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta fosthom l-ewwel wieħed: L’Isle Adam; l-eroj tal-Assedju l-Kbir de Vallette; u l-Granmastru La Cassiere li ħallas minn butu biex bena l-Konkatidral bħala rigal lill-Ordni. Il-kuratur tal-Konkatidral, Cynthia De Giorgio, qalet li fis-seklu 18 il-kripta kienet ġiet dekorata b’affreski mit-Taljan Niccolo Nasoni. Spjegat li l-għadu tal-affreski hi l-umdità.

Cynthia De Giorgio qalet “b’hekk mal-mogħdija taż-żmien il-pittura tiegħu kważi kollha ġiet mgħottija b’saff sostanzjali ta’ melħ li nixef fuq l-uċuħ tiegħu u anke l-partijiet t’isfel fejn ħafna mit-tikħil tfarfar bl-umdità li kien hawn. Jiġifieri l-ewwel proċess kien li jsir ir-restawr li parti kbira minnu kien it-tindif, biex inneħħu l-melħ, u biex insibu metodu kif ir-restawr ta’ dawk il-partijiet li kienu ntilfu u anke l-ġebla li kienet fraġli ħafna, speċjalment fl-iskultura, kienet ġiet konsolidata u restawrata.”

Ix-xogħol ħa tliet snin u sar minn tim ta’ restawraturi Ingliżi. Il-kuratur spjegat li biex il-ħsara li kien hemm ma terġax issir malajr u tkun l-anqas possibbli riedu jaraw kif it-temperatura u l-ambjent fil-kripta jiġu kontrollati. Għalhekk l-2012 kienet sena li matulha sar moniteraġġ tal-ambjent fil-kripta. Ir-riżultati ġew studjati fid-dettall minn professjonisti f’oqsma varji bħall-inġinerija, il-ġeoloġija u l-arkitettura li pproponew sistema ddisinjata apposta għal hawnhekk.

“It-temperatura u l-livelli tal-umdità li għandha bżonn il-kripta biex tibqa’ f’kundizzjoni tajba huma speċifiċi ħafna u l-istudji saru biex insibu dak l-apparat u niddisinjaw dak l-apparat biex nilħqu dawk il-livelli. Kienet proċess diffiċli ħafna biex insibu l-lokal fejn dan l-apparat jista’ jigi armat” kompliet tgħid Cynthia De Giorgio.

Għat-tagħmir ġiet identifikata kamra fuq il-bejt tal-Kon-Katidral, bl-arja nieżla minn katusi f’shaft li jagħti għal passaġġ fuq wara tal-kor, li hu s-saqaf tal-kripta. Minn hemmhekk, sfida oħra kienet kif se jwasslu l-arja fil-kripta. Providenzjali kienu erba’ toqob magħluqa, parti mid-disinn fis-saqaf. Ġie deċiż li l-arja tidħol minnhom. Biex jiġri hekk, il-kuratur spjegat li b’ħafna attenzjoni nqala’ parti mill-irħam tal-art fuq wara tal-artal biex minn taħt tgħaddew il-katusi għall-arja. Dawn jaqbdu mal-oħrajn li niżlu mix-shaft u jagħtu għall-erba’ toqbiet fis-saqaf tal-kripta.

Fil-kripta hemm sensors li jibgħatu l-informazzjoni dwar it-temperatura u kundizzjonijiet oħra direttament lill-uffiċini tal-amministrazzjoni tal-Konkatidral. Dan jippermetti li t-temperatura u l-umdità fil-kripta jkunu kontrollati u jinżammu fl-aħjar livelli possibbli. L-istallazzjoni ta’ din is-sistema qed toqrob lejn it-tmiem, bil-pubbliku se jkun jista’ jagħti titwila lill-kripta tal-Granmastri minn wara bieb tal-ħġieġ li se jiġi installat fuq isfel ta’ taraġ li jagħti għaliha fil-ġenb tal-artal.

 

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

164 pajjiż fosthom Malta iffirmaw dak li qed jissejjaħ Patt Globali dwar l-Immigrazzjoni Ordnata u Regolari. Waqt ċerimonja f’Marrakech fil-Marokk, intqal li dan il-patt se jwassal għall-immaniġġjar aħjar tal-migrazzjoni f’tentattiv…

Lokali

L-iskart organiku li beda jinġabar fl-aħħar xahar u nofs diġà qed jiġġenera l-enerġija daqskemm tintuża minn aktar minn 6,000 familja. Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv David Borg qal lil TVM li l-iskema…

Lokali

L-Awditur Ġenerali innota li t-tisħiħ fil-liġi tal-volontarjat li saru din is-sena għandhom isaħħu jdejn il-Kummissarju tal-Volontarjat fil-funzjoni regolatorja u l-governanza fis-settur tal-volontarjat. F’rapport li ppreżenta lill-Parlament, l-Awditur Generali Charles Deguara…

Lokali

Għalkemm qed ngħixu f’dinja li saret raħal u miżgħud b’mezzi teknoloġiċi, qed tikber il-pjaga tas-solitudni u magħha l-esklużjoni soċjali. Il-problema tinħass fil-faxex kollha tas-soċjetà, mit-tfal sal-anzjani u taf tiggrava fiż-żminijiet…

Aktar