Lokali
Jikkura lill-qniefed biex joħroġ mill-vizzju tad-droga

Il-kura tal-qniefed li jispiċċaw f’ħoġor in-Nature Trust, qed iservi bħala parti mill-proċess ta’ terapija għal wieħed mir-residenti tal-komunità Santa Marija f’Ħal Farruġ fil-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Dan hekk kif għexerien ta’ qniefed qed jiġu rrijabilitati min-nature trust qabel jerġgħu jinħelsu fis-selvaġġ.

Malcolm, żagħżugħ ta’ 27 sena li qed isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fil-Komunità ta’ Santa Marija, f’Ħal Farruġ, iqatta’ ħafna ħin tal-ġurnata mhedi bil-kura ta’ żewġt iqniefed. Dan huwa parti mil-proġett tan-Nature Trust li bħalma tikkura l-fkieren tal-baħar tikkura wkoll l-qniefed li ħafna drabi joħorġu biex jieklu u jispiċċaw midruba fit-toroq mil-vetturi. Malcom jara xebh fil-kura li jaghti lil dawn l-ispeci mal-kura li huwa stess qed jiehu biex johrog mil-vizzju tad-droga.

Malcolm jispjega li “jekk dawn it-trabi kellhom bżonn li  tagħtihom l-ikel kull tliet sigħat, l-istess għall-vizzju. Irridu nagħmlu nurturing biex dik il-problema nsolvuha”.

Iż-żagħżugħ ta’ 27 sena jħossu sodisfatt meta jikkura l-qniefed u jarahom lura fl-ambjent naturali tagħhom. Iżda d-diżappunti ma naqsux meta kellu jieħu ħsieb il-friegħ.

Jgħid li “sfortunatament kienu mituli t-tlieta li huma. Mhux ħadtha bi kbira imma mis-sens komun għidt li aktar mal-annimal ikun delikat u jkun żgħir aktar ikollu bżonn lil omm. Inkella jkollu ħafna inqas ċans li jgħix”.

Il-President ta’ Nature Trust, Vince Attard, qal ma’ tvm.com.mt li għalkemm il-qanfud ma jinsabx f’riskju li jinqered, qed jaffaċċja diversi ostakli inkluż l-istorbju f’żoni ta’ żvilupp.

Vince Attard qal li “dawn huma annimali ta’ billejl; joħorġu billejl. Jekk ikun hemm disturbazzjoni fl-abitat tagħhom se joħorġu. Qed insibu wkoll ħafna qniefed li qed jimxu, peress li qed jonqos l-abitat tagħhom lejn postijiet fejn joqogħdu n-nies, speċjalment fejn jitimgħu l-qtates għax dawn jieklu ħafna l-ikel tal-qtates ukoll”.

Żied jgħid li f’sena n-Nature Trust tirċievi medja ta’ 200 telefonata fis-sena biex jgħinu l-ispeċi li jsibuhom f’diffikultà.

“Problemi li nsibu hemm gdim ta’ klieb, jew milqutin b’karozza, jew b’inġenji ta’ kostruzzjoni. Ġieli kellhom infezzjonijiet. Għandna wkoll qniefed li huma għomja jew diżabilità f’sieqhom” qal Vince Attard.

Spjega li billi l-qanfud huwa speċi protetta, wieħed ikun irid permess mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex ikun jista’ jindukrah.

Osserva li żdiedu n-nies li jimpurtaw il-qniefed miċ-Ċina bħala annimali domestiċi u telquhom fis-selvaġġ bil-konsegwenza li jħallu impatt negattiv fl-ekosistemi. Huwa qal li fil-jiem li ġejjin, se jinħelsu tliet qniefed f’Wied Għollieqa li ġew ikkurati mill-voluntiera ta’ Nature Trust.