Eurovision
Jikseb l-ewwel post il-filmat mużikali ta’ Destiny għall-Eurovision

Il-ġimgħa d-dieħla kellha tkun il-ġimgħa tal-finali tal-Eurovision Song Contest, b’Malta kellha tkun rappreżentata minn Destiny bil-kanzunetta ‘All of My Love.

Waqt li kollox sfuma fix-xejn minħabba l-COVID-19, il-pajjiżi li kienu se jieħdu sehem, fosthom Malta, se jorganizzaw inizjattivi biex xorta waħda jiċċelebraw il-ġimgħa ta’ spettaklu mużikali Ewropew.

Esperti tal-Eurovision jemmnu li Malta kienet se tgħaddi għall-finali b’riżultat tajjeb

Sa qabel tħassar il-Eurovision Song Contest, is-sit elettroniku wiwibloggs.com, li janalizza mill-qrib l-ispettaklu mużikali kien qed jargumenta, li din is-sena, id-diskussjoni ma kinitx dwar jekk Malta hux se tikkwalifika għall-finali, iżda dwar x’pożizzjoni se jirnexxielha tikseb fil-finali.

Minkejja li kollox sfaxxa fix-xejn wara li l-festival tħassar, il-filmat mużikali tal-kanzunetta ‘All of my love’ interpretata minn Destiny, kien ivvutat bħala l-aqwa filmat fost il-41 li kienu qed jikkompetu din is-sena.

Deban Aderemi minn wiwiblogs.com, sit li huwa ferm popolari ma’ dawk li jsegwu l-Eurovision, qal li Malta kisbet vot minn kull għaxra li daħlu. “This would have been Malta’s year, it was gunning for the top, gunning for victory, a victory so well deserved.”

Togħma tal-Eurovision Song Contest: It-Tlieta, il-Ħamis u s-Sibt tal-ġimgħa d-dieħla fuq TVM

Waqt li dak kollu li kien mfassal li jsir l-Olanda dis-sena sfratta u gie pospost għas-sena d-diehla fl-Olanda stess, il-ġimgħa tal-Eurovision se tkun tista titgawda xorta permezz tal-istazzjon nazzjonali.

Nhar it-Tlieta u il-Ħamis, Television Malta se jxandar tribute ghall-kantanti u l-kanzunetti li kienu skedati jieħdu sehem fis-semi finali rispettivi.  Fl-istess xandiriet, se titqanqal ftit in-nostalġija b’siltiet mill-aqwa mumenti tal-Eurovision Song Contest, anki b’rapprezentazzjonijiet ta’ Malta f’edizzjonijiet passati.

Is-Sibt 16 ta’ Mejju, meta kellha ssir il-finali tal-Eurovision, il-pajjiżi kollha li kienu se jieħdu sehem se jingħaqdu f’xandira bit-tema ‘Shine a Light’. F’din ix-xandira li se tixxandar ukoll fuq Television Malta se jidhru il-parteċipanti kollha li kellhom jieħdu sehem din is-sena, b’kollegamenti ma uħud mill-pajjiżi.