Lokali
Jilqgħu l-konferma tal-kumitat PANA li Malta ma toffrix kenn mit-taxxa

FinanceMalta, Institute of Financial Services Practitioners, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u l-Kamra tal-Kummerċ għal Għawdex qalu li qed jilqgħu l-validazzjoni tas-sistema tat-taxxa ta’ Malta mill-kumitat PANA.

Dan wara li l-kumitat PANA ddikjara li s-sistema Maltija hija konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u l-istandards tal-OECD dwar it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-frodi u l-ħasil ta’ flus, kif kien ikkonfermat mill-OECD stess f’rapport tal-2013.

Fi stqarrija konġunta l-entitajiet qalu li d-dikjarazzjoni tal-kumitat PANA huwa ċertifikat għas-sistema tat-taxxa f’Malta, u jikkonferma li l-pajjiż ma joffrix kenn mit-taxxa, u mhuwiex ‘tax haven’, bħal ma ġie mlaqqam minn persuni mhux infurmati.

Qalu li din il-konferma ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala pajjiż li jibqa’ kommess għal standards internazzjonali dwar trasparenza u skambju ta’ informazzjoni ma’ numru kbir ta’ ġurisdizzjonijiet. Dan magħdud mal-fatt li r-reġistru pubbliku ta’ Malta huwa miftuħ għall-iskrutinju ta’ kulħadd.

L-entitajiet żiedu jgħidu li fl-2006 s-sistema tat-tassazzjoni ta’ Malta ġiet diskussa fid-dettall mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp tal-Kodiċi tal-Kondotta li jevalwa l-miżuri tat-tassazzjoni.

Sostnew li s-sistema tat-taxxa ta’ Malta hija kompletament trasparenti u bbażata fuq regoli statutorji, u mhux fuq id-diskrezzjoni amministrattiva, bħal ma hu l-każ f’ċertu pajjiżi. Iktar minn hekk il-leġiżlazzjoni ‘offshore’ ta’ Malta ġiet irtirata fl-1994 u l-kumpaniji kollha jridu jippubblikaw rendikonti finanzjarji awditjati.

Il-korpi kostitwiti appellaw lill-partijiet interessati u l-midja lokali biex jaħdmu flimkien għall-ġid tal-industrija biex Malta żżomm ir-reputazzjoni tagħha bħala ġurisdizzjoni serja.