Jiltaqa’ l-Kumitat tas-Sigurtà dwar il-każ tal-accountant Joe Sammut

Il-Kumitat tas-Sigurtà li jinkludi lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iltaqa’ fit-tul f’Kastilja fuq talba tal-Oppożizzjoni dwar il-każ tal-permessi ta’ residenza li allegatament inħargu b’mod abbużiv. Fuq it-taraġ ta’ Kastilja, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jinsisti li għandha issir inkjesta waqt li l-Prim Ministru indika li din tista’ ssir wara li jintemmu l-proċeduri fil-Qorti dwar dawn il-każi.

Tliet ġimgħat wara li l-Qorti bdiet tisma’ l-każ tal-accountant Joe Sammut li jinsab akkużat b’diversi akkużi b’konnessjoni mal-akkwist b’mod abbużiv ta’ permessi tar-residenza u viżi għal ċittadini Libjani, il-każ spiċċa diskuss fi ħdan il-kumitat tas-sigurtà li jiltaqa’ bil-magħluq u li l-membri tiegħu huma marbuta bil-kunfidenzjalità. Il-laqgħa saret fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li attenda għal-laqgħa f’Kastilja li fiha huwa mifhum li ngħatat l-informazzjoni dwar il-proċeduri dwar il-ħruġ tal-permessi tar-residenza.

Fi tmien il-laqgħa fuq it-taraġ ta’ Kastilja, Dr Busuttil filwaqt li qal li ma jistax jiżvela x’ġie diskuss fil-laqgħa wera ruħu mhux sodisfatt.

“Jiena ħriġt minn din il-laqgħa xorta bit-tħassib u qed ninsisti mal-Prim Ministru li dwar dawn l-affarijiet issir inkjesta pubblika sabiex kulħadd ikun jaf x’hemm ħażin u kif dak li hemm ħażin jista’ jirranġah,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Mistoqsi x’tip ta’ inkjesta qed jistenna, Dr Busuttil wieġeb li ma setax jelabora iktar dwar dan.

“Hemm ċertu informazzjoni li jiena ma nistax noħroġ bħala membru tal-kumitat, però qed ngħaddilkom il-ġudizzju politiku tiegħi li jiena qed nesprimi t-tħassib tiegħi fuq il-ħruġ tal-viżi,” kompla Dr Busuttil.

Ftit minuti wara ħareġ minn Kastilja l-Prim Ministru Joseph Muscat li filwaqt li wkoll żamm il-kunfidenzjalità dovuta mill-membri tal-kumitat tas-sigurtà, stqarr li l-awtoritajiet aġixxew fejn kien hemm suspett ta’ abbuż.

“Hemm espożizzjoni ċara li l-allegati abbużi fil-każ Sammut inqabdu b’inizjattiva li ttieħdet mill-awtoritajiet, fosthom Identity Malta u l-ETC. Hemm inizjattivi oħra li għaddejjin, każ minnhom diġà spiċċa l-Qorti,” qal il-Prim Ministru.

Dwar it-talba ta’ Dr Busuttil għal inkjesta, il-Prim Ministru spjega li l-pożizzjoni tal-Gvern.

“Ladarba l-proċeduri kollha f’każijiet oħra jaslu fil-waqt li jkollhom bżonn li jaslu nieħdu l-proċeduri kollha, fosthom li anki tissejjaħ inkjesta,” qal Dr Muscat.

Fil-laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà, li ħadet madwar sagħtejn u nofs minbarra l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, ħadu sehem ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġorġ Vella, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela u skont il-ħtieġa l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà u l-Kapijiet tal-Aġenzija Identity Malta u tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.