Lokali
Jiltaqgħu flimkien atturi veterani li sawru l-istorja tad-drama Maltija

Grupp ta’ atturi veterani li sawru l-istorja tad-drama Maltija ltaqgħu flimkien fuq inizjattiva tal-produtturi tal-programm ‘Teledrammi: Nostalġija u Tifkiriet’ li jixxandar fuq Television Malta.

Dan il-programm ilaqqa’ bosta personalitajiet bħal dawk li ħadmu f’Baħar Wieħed – l-ewwel teledramm li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali – sa produzzjonijiet aktar riċenti bħal Ipokriti, li kienu popolari ħafna mat-telespettaturi.

Dan huwa l-ewwel teledramm li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali fl-1975: F’Baħar Wieħed. Lino Farrugia, inkarigat mid-direzzjoni televiżiva, jistqarr li għalkemm waqgħetlu żokortu fit-teledrammi, dan jibqa’ l-aktar xogħol għal qalbu.

Lino Farrugia qal li “l-ewwel wieħed black & white u kienet l-ewwel darba li qatt sar teleserial”.

Waħda mill-atturi kienet Karmen Azzopardi, li luċida bħal dejjem, tiftakar qisu lbieraħ l-entużjażmu tat-telespettaturi Maltin.

Karmen Azzopardi qalet li “meta kien jintwera, Malta kienet tieqaf. Jingħad u dan veru għax kemm-il darba smajnieha, li anki fil-Parlament kienu jieqfu jmorru fil-lobby u jaraw l-episodju”.

Jane Marshall fit-teledramm Il-Madonna taċ-Ċoqqa, tinterpreta l-karattru ta’ Rita r-ribella li ħaditha kontra l-Knisja. Għalkemm għaddew kważi 40 sena minn meta xxandar, Jane tiftakar il-biżibilju ittri li rċeviet.

Jane Marshall qalet li “kont nirċievi mhux biss ittri negattivi imma anki ittri pożittivi kif ukoll bukketti tal-fjuri kuljum biex jagħmluli kuraġġ għax jien wara kollox kelli żewġt itfal dak iż-żmien. Forsi kieku kont waħdi ma kontx nibża daqshekk minħabba li kienu qed jhedduni anki bil-bombi u li joqtluli wkoll it-tfal dak iż-żmien. Allura kont ħadtha ftit bi kbira imma bqajt għaddejja.”

Għal Charles Stroud, l-aktar teledramm li baqa’ f’moħħu huwa Kristu fl-Iżbarra għax fih ħadu sehem l-atturi veterani kollha tal-lum.

Charles Stroud qal li “il-biċċa l-kbira ħdimna fl-istudio imma anki Ħal Qormi fejn użajna ħafna ħafna nies mit-triq ta’ Ħal Qormi. Kollha mlibbsin biċċiet ta’ kustomi. Kienet xi ħaġa innovattiva anki l-mod kif ippreżentajnieha u għalija l-gost tiegħi li niftakar kif ħdimnieha.”

Il-koppja Mark u Louise Doneo kienu namrati fit-teledramm Il-Mandraġġara . . . sakemm ix-xitan deffes denbu.

Mark u Louise Doneo qalu li “more or less konna namrati. Imbagħad daħlet waħda fin-nofs. Konna l-koppja tar-raħal u daħlet waħda minn Bormla. Il-Mandraġġara. Prostituta. Sfrattatu hux!”

Teledramm aktar modern u li n-nies kienu jagħmlu għalih kien Ipokriti.

L-attur Hermann Bonaci qal li “meta bdejna Ipokriti, dak iż-żmien konna għamilna ħoss kbir illi kienet ilha ma tinħass minn żmien f’Baħar Wieħed illi kull nhar ta’ Tnejn it’s a must li Malta kollha tara Ipokriti.”

Dawn l-atturi u oħrajn rrakkontaw l-esperjenzi tagħhom fil-programm Teledrammi: Nostalġija u Tifkiriet li jixxandar fuq TVM li lkoll wittew it-triq għad-drama Maltija kif nafuha llum. Il-produtturi tal-programm, Joseph Galea u Pierre Bugeja, laqqgħu lill-atturi veterani li taw kontribut fl-istorja tax-xandir f’Malta.