Jimtela nofs l-ispazju fil-Life Sciences Park sitt xhur wara li nfetaħ

Il-kummissjoni ekonomika bejn Malta u ċ-Ċina li ltaqgħet f’Malta f’dawn il-jiem temmet l-impenji tagħha bid-delegazzjoni Ċiniża mmexxija mil-Viċi Ministru għall-kummerċ Gao Yan bi żjara ta’ informazzjoni fil-Life Science Park f’San Ġwann.

Il-Life Sciences Park li jospita laboratorji u uffiċji ta’ kumpaniji farmaċewtiċi u oħrajn li jispeċjalizzaw fir-riċerka medika qed jattira interess minn kumpaniji bbażati fl-Ewropa u lil hinn minnha biex jibbażaw ħidmiethom f’Malta.

Life Science Park (1)Sitt xhur wara li f’Diċembru li għadda l-Malta Life Sciences Park fetaħ il-bibien tiegħu, aktar minn nofs l-ispazju diġà mtela’ minn laboratorji u uffiċji ta’ kumpaniji farmaċewtiċi u oħrajn li jispeċjalizzaw f’riċerka medika u fix-xjenzi tal-ħajja.

Il-Kap Eżekuttiv Joseph P. Sammut qal li l-mira hi li eventwalment, il-park li hu mifrux fuq 11,000 metru kwadru, jevolvi f’hub b’faċilitajiet u infrastruttura ta’ klassi mondjali fejn ikunu żviluppati x-xjenzi tal-ħajja, il-ġenetika, u l-innovazzjonijiet biotekniċi.

Huwa qal li l-park se jipprovdi l-opportunità li jinbena pont bejn l-akkademiċi u l-industrija u s-swieq internazzjonali.

“Ngħinuhom jaraw is-swieq tal-prodotti tat-teknoloġija tagħhom, barra minn Malta u din ma ssirx faċli, jiġifieri għandek teknoloġija Maltija żviluppata Malta jekk trid tidħol fis-suq barrani, trid tagħmel effort, l-irwol tal-Malta Enterprise hu li jgħinu it-tenants li għandek hawn, apparti li jikkollaboraw mal-istakeholders , għandek l-isptar, l-università mhux ‘l bogħod anqas, għandek 20 minuta mixi biex jibdew jikkolaboraw flimkien biex joħorġu proċessi, servizzi, prodotti ġodda għas-suq internazzjonali,” qal Joseph P Sammut.

Waqt żjara minn delegazzjoni għolja Ċiniża li tmexxiet minn Viċi Ministru Ċiniża, il-Ministru tal-Ekonomija u Investiment Chris Cardona qal li l-industrija farmaċewtika bħalissa timpjega aktar minn 1,000 ruħ u l-esportazzjoni minn dawn l-industriji tlaħħaq aktar madwar €240 miljun fis-sena. Huwa qal li fis-snin li ġejjin se jkunu mnedija 20 proġett differenti li se joħolqu 400 impjieg ġdid fit-tliet snin li ġejjin.