Lokali
Jindirizza l-ewwel konferenza internazzjonali f’10 snin dwar l-istabbiltà fil-Libja

Dikjarazzjoni li tgawdi l-appoġġ ta’ rappreżentanti ta’ 30 gvern li attendew għal konferenza fil-Libja ssejjaħ biex l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Diċembru li ġej ikunu trasparenti, ġusti u inklussivi. Għall-konferenza, Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, li qal li d-dinja għandha tgħin lill-Libjani jibnu darhom mill-ġdid, mingħajr iżda ma tindaħal u timponi soluzzjonijiet li joħolqu aktar problemi.

Waqt konferenza internazzjonali għall-istabbilità fil-Libja, il-Prim Ministru Libjan Abdulhamid Dbeibah u Ministri minn diversi pajjiżi qablu li jsiru elezzjonijiet nazzjonali fl-24 ta’ Diċembru li ġej. Dan l-appuntament elettorali mistenni, ser isir skont pjan li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Magħquda maħsub biex isib tarf tal-inkwiet u l-firdiet fil-Libja.

Għal din il-konferenza li saret fi Tripli, Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo li fid-diskors tiegħu qal li l-komunità internazzjonali għandha tgħin lill-poplu Libjan jibni daru mill-ġdid. Għall-konferenza organizzata mill-Gvern Libjan ta’ Għaqda Nazzjonali attendew 30 delegazzjoni, inkluż 23 Ministri tal-Affarijiet Barranin.

Il-Ministru Bartolo qal li għal kważi seba’ miljun Libjan, il-Libja hi d-dar imfarrka tagħhom fejn żewġ terzi jgħixu taħt il-linja tal-faqar, eluf ta’ djar, skejjel u sptarijiet jinsabu meqruda u hemm nuqqas ta’ elettriku u ilma. Qal li dan seħħ minkejja li l-Libja hi fost l-aktar pajjiżi sinjuri fil-Mediterran. Il-Ministru Bartolo qal li l-Libja trid tinbena mill-qiegħ, mil-Libjani u għal Libjani, imma biex jagħmlu dan il-Libjani jridu jsibu modi kif jgħixu u jaħdmu flimkien. Kompla jgħid li l-firdiet tal-Libjani jgħinu lil dawk il-Libjani u lill-barranin li jridu li l-Libja tibqa’ mhux governabbli biex ikunu jistgħu jisfruttawha fl-interessi tagħhom stess. Bartolo qal li jeħtieġ li jkun hemm rikonċiljazzjoni fost il-Libjani u l-għedewwa ta’ lbieraħ u ta’ llum iridu isiru l-imsieħba t’għada.

Evarist Bartolo qal li l-ewwel pass għandu jkun l-irtirar tal-merċenarji. Qal li dan irid jitmexxa tajjeb u jkun f’idejn in-Nazzjonijiet Magħquda. Żied jgħid li l-irtirar tal-preżenza militari barranija kollha jeħtieġ li tkun gradwali.

Fi stqarrija dwar il-konferenza, il-Partit Nazzjonalista qal li jibqa’ favur it-tisħiħ u l-iżvilupp sħiħ tal-pajjiż u tal-poplu Libjan fi proċess demokratiku u maqbul. Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Mifsud Bonnici, u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight qalu li biex titħares is-sovranità, l-indipendenza u l-integrita’ territorjali hu meħtieġ li ma jkunx hemm aktar forzi militari barranin u li jiġi assigurat li ma jkunx hemm aktar armamenti.