Lokali
Jinfaqa’ jibki fl-awla wara li ġie mixli li seraq il-ġojjelli ta’ oħtu

Redeemer Cauchi ta’ 24 sena mill-Marsa, tressaq il-Qorti mixli li seraq ġojjelli mingħand oħtu.

Oħt Cauchi għamlet rapport għand il-pulizija wara li sabet xi ġojjelli neqsin.

Bi dmugħ f’għajnejh huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi u talab għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukat difensur Arthur Azzopardi qal ż-żagħżugħ ibati mill-vizzju tad-droga. Huwa sejjaħlu bħala żagħżugħ twajjeb iżda jiżgarra ma’ qrabatu meta jieħu d-droga. Huwa żied jgħid li Cuachi għandu impjieg u jekk jintbagħat il-ħabs kien qed jirriskja li jitlef l-impieg. Dan bil-konsegwenza li kienet se ssir aktar ħsara.

Madankollu, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello qalet li ż-żagħżugħ ma jistax jibqa’ jistrieħ fuq il-familja tiegħu biex jaħfrulu.

Hija laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €400 u garanzija personali ta’ €3,000.